In-Nazzjon tiffoka fuq intervista ma Manwel Calleja, li ftit tax-xhur ilu kellu inċident tat-traffiku, issa qed isostni li mhux qed isib għajnuna mill-Gvern biex isiblu akkomodazzjoni soċjali wara li dan l-inċident telfu d-dħul finanzjarju tiegħu u qed jgħix bi €62 fil-ġimgħa. Dan ifisser li l-anqas biss għandu flus biex iħallas il-kirja tal-post li jgħix fih illum. Fi storja oħra In-Nazzjon titkellem dwar kif il-Gvern qed jgħaddi b’gaffa minn fuq kulħadd… f’din l-istorja insibu rapport dettaljat ta’ dak li ntqal fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-PN tal-bieraħ. F’ritratt imbagħad l-istennija tal-poplu Grieg biex jidħlu fil-banek anke b’rabta mal-ultimatum li l-Gvern Grieg kellu biex iressaq proposti biex jikseb aktar għajnuna finanzjarja u jibqa’ fiz-zona ewro.
The Malta Independent tagħti priorità lil ritratt li juri l-qagħda preżenti tal-poplu Grieg. Tirrapporta wkoll kemm konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Gvern kif ukoll il-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-kwistjoni tal-iSPED, kif ukoll fi storja oħra tgħid li l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST ċaħad li kien hemm abbuż razzjali fil-konfront ta’ student mill-Etijopja.
Il-ġurnal The Times of Malta titkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-Greċja imma wkoll għandha żewġ stejjer oħra fil-faċċata tagħha. Storja minnhom titkellem dwar kif is-servizz tas-sigurtà ta’ pajjiżna fittex li juża s-servizzi ta’ kumpanija kontroversjali tal-hacking. Ir-rapport jgħid li żewġ uffiċjali tas-servizz sigriet ta’ Malta kellhom laqgħa ma rappreżentanti tal-kumpanija dwar possibiltà ta’ ftehim li jlaħħaq €600,000 biex is-servizz sigriet juża it-teknoloġija ta’ din il-kumpanija f’pajjiżna. Fi storja oħra The Times of Malta tgħid li x-shareholders tal-Bank of Valletta qed jistennew tweġibiet għal deċiżjonijiet kontroversjali li ħa l-bank. Dan se jsir f’laqgħa li se ssir fil-ġranet li ġejjin.
L-Orizzont titkellem dwar fenomenu ġdid ta’ vjolenza domestika… tgħid li 95 tifel u tifla b’każijiet ta’ abbuż fuq adulti, bejn ġenituri u carers. Ritratt fil-faċċata jitkellem dwar Patri li qabżitlu u kisser windscreen ta’ vann. Kif ukoll tkompli titkellem dwar ix-xibka tal-ispjunaġġ u tgħid li dawn kienu għas-servizz tax-Shadow Minister u mhux tal-Ministru.