Il-Front Ħarsien ODZ esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif il-Gvern injora lis-soċjetà ċivili u baqa’ għaddej bħal romblu bl-iSPED, li jinkludi proposti li permezz tagħhom il-Gvern se jingħata poter arbitrarju biex jippermetti żvilupp fl-ODZ.
Fi stqarrija, il-Front qal li l-Gvern m’għandux mandat elettorali biex jippermetti aktar żvilupp fl-ODZ.
Dwar it-tliet Abozzi ta’ Liġijiet bl-iskop li tinqasam il-MEPA, il-Front Ħarsien ODZ qal li filwaqt li l-Gvern għandu l-mandat elettorali f’dan il-qasam, jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Gvern injora t-talba tas-soċjetà ċivili biex id-dibbatitu dwar dawn il-Liġijiet jiġi pospost għal wara s-Sajf.
Il-Front qal li dawn il-Liġijiet għandhom implikazzjonijiet kbar fuq l-ODZ minħabba l-abolizzjoni tas-Sitt Skeda, li permezz tagħha l-MEPA fil-preżent ma tistax tillegalizza żvilupp illegali fl-ODZ.
Barra minhekk, il-proċess kollu ta’ kif se jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet se jinbidel b’mod radikali. Fid-dawl ta’ dan, ma jagħmilx sens li d-dibattitu Parlamentari jsir qabel ma jagħlaq il-perjodu qasir ta’ konsultazzjoni mal-NGOs, temmet tgħid l-istqarrija tal-Front Ħarsien ODZ.
//= $special ?>

