Lokali Qorti

€2,000 multa u sospensjoni tal-liċenzja għall-vittma fil-mira ta’ tiri tan-nar sparati minn Paul Sheehan

Stephen Smith, l-Iskoċċiż li safa fil-mira ta’ tiri sparati mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, Paul Sheehan, kien immultat €2,000 iżda meħlus minn numru ta’ akkużi relatati mal-każ li seħħ fid-19 ta’ Novembru li għadda. Hu kellu wkoll il-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal disa’ xhur.

Smith instab ħati li, dakinhar tal-każ fid-9pm, għamel ħsara fuq il-karozza tal-eks Ministru minħabba sewqan negliġenti meta kien taħt l-influwenza tal-alkoħol. Hu nstab ħati ta’ erba’ akkużi biss mill-11 li kellu fil-konfront tiegħu.

Is-seba’ akkużi l-oħra kienu relatati mal-verżjoni tal-fatti mogħtija minn Sheehan lill-Pulizija. Madankollu, ix-xufier tal-eks Ministru Mallia għażel ma jixhidx fil-Qorti minħabba l-każ kriminali li għaddej fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, is-seba’ akkużi fil-konfront ta’ Smith twaqqgħu.

L-isparatura tad-19 ta’ Novembru wasslet għar-riżenja tal-eks Ministru Manwel Mallia wara li sar magħruf li l-Gvern ipprova jagħmel cover-up ta’ dak li ġara. Stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet qalet li t-tiri sparati minn Sheehan kienu tiri ta’ twissija.

Dan minkejja li kien diġà magħruf, permezz ta’ telefonati li kienu żvelati fil-jiem ta’ wara, li t-tiri sparati minn Paul Sheehan kienu intenzjonati u mmirati lejn il-vettura ta’ Stephen Smith. Dan ħareġ ukoll mill-Inkjesta relatata mal-każ, li wassal ukoll għas-sospensjoni ta’ Sheehan mill-Korp tal-Pulizija. Barra minhekk, Paul Sheehan għaddej minn proċeduri kriminali separati, akkużat fost l-oħrajn bl-attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż.

Fost l-akkużi li Stephen Smith ġie meħlus minnhom kien hemm li hedded Uffiċjal tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu, minħabba li ma ġiet ippreżentata l-ebda prova fil-Qorti li Sheehan kien infurmah li hu Uffiċjal tal-Pulizija. Smith kien meħlus ukoll mill-akkuża li hedded lix-xufier tal-eks Ministru bi flixkun tal-birra jew li aggredieh.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, innotat li l-Iskoċċiż ammetta li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Madankollu, dan ġie kklassifikat bħala sewqan negliġenti u mhux perikoluż. Innotat ukoll li Smith baqa’ sejjer bil-karozza wara l-impatt mal-vettura tal-eks Ministru, minkejja li kien jaf li kien b’livell eċċessiv ta’ alkoħol.

Għaldaqstant, il-Qorti mmultat lil Stephen Smith €2,000 u ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal disa’ xhur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li l-Avukati Joe Giglio u James D’Agostino dehru għall-akkużat.