Internazzjonali

Eluf ta’ Britanniċi jħejju biex jitilqu mit-Tuneżija

L-ewwel minn fost eluf ta’ turisti Britanniċi fit-Tuneżija bdew jerġgħu lura f’pajjiżhom wara li ħarġet twissija dwar il-probabbiltà kbira ta’ attakk terroristiku ieħor f’dan il-pajjiż Afrikan.

Madwar 30 Britanniku nqatlu x-xahar li għadda waqt attakk minn ġiħadista tal-ISIS fuq bajja u f’lukanda f’Sousse, fejn hu kien immira speċifikament għat-turisti. Intant, kien proprju fl-aħħar sigħat li l-Foreign Office ta’ Londra ħareġ it-twissija biex it-turisti kollha mir-Renju Unit iwaqqfu ħesrem il-btajjel tagħhom fit-Tuneżija.

Xi turisti li kienu qed jistennew biex jaqbdu ajruplan lura lejn pajjiżhom sostnew li huma qed iħossuhom diżappuntati u mbeżżgħin wara t-twissija, iżda fiċ-ċirkostanzi ma kellhomx alternattiva ħlief li jmorru lura d-dar. Qabel ħarġet it-twissija, ir-rapporti qalu li bejn 2,500 u 3,000 turist Britanniku kienu qed igawdu package holiday fit-Tuneżija, u mijiet oħra qed jivvjaġġaw minn dan il-pajjiż bil-mezzi tagħhom.

Il-Prim Ministru tat-Tuneżija, Habib Essid qal li pajjiżu għamel li seta’ biex jipproteġi lit-turisti u li fil-preżent qed jgħin lill-barranin biex jitilqu.