Il-Gvern ma biddel xejn mill-pożizzjoni tiegħu u se jkompli miexi u jiddibatti l-liġijiet marbuta mal-ambjent u jinjora l-appelli tal-Oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili u l-NGOs biex jipposponi d-dibattiti li diġà beda fil-Parlament dwar dawn il-liġijiet.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, insista mal-Gvern meta llejla ltaqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li kien ilu ma jiltaqa’ mis-27 ta’ April meta ltaqa’ fil-bini l-antik tal-Parlament, biex itemm l-ewwel il-proċess ta’ konsultazzjoni li hu miftuħ u jissospendi d-dibatttu li għaddej dwar il-liġijiet ambjentali. L-Oppożizzjoni tixtieq li d-dibattitu jiġi sospiż sakemm jingħalaq il-proċess.
Fakkar lill-Gvern li hemm ukoll appelli mill-NGOs li jieqaf ukoll id-dibattitu u appella mill-ġdid lill-Gvern li jistenna erba’ ġimgħat biex jingħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Gvern jemmen li m’hemmx raġuni għaliex id-dibattitu jiġi sospiż
Dwar dan l-appell mill-ġdid tal-Oppożizzjoni lill-Gvern, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech iddikjara li ma jemminx li dan hu meħtieġ. Louis Grech qal li l-Gvern beda t-Tieni Qari u jemmen li d-dibattitu għandu jingħalaq. Semma li l-Gvern ta lill-NGOs erba’ ġimgħat u l-aktar stadju rilevanti biex jiġu diskussi l-proposti se jkun fl-istadju ta’ Kumitat. Il-Gvern ma jemminx li hemm raġuni għalfejn id-dibattitu għandu jieqaf u jintemm ladarba nbeda.
Mario de Marco saħaq li l-argument tal-Oppożizzjoni hu li l-Parlament jirrappreżenta wkoll lis-soċjetà ċivili u l-liġijiet kienu pubblikat bħal-lum ġimgħa u l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni b’avviż ta’ 24 siegħa biss saret it-Tlieta li għaddew.
Saħaq ukoll li min se jitkellem fl-istadju tat-Tieni Qari mhux se jkun qed jirrifletti dak li qed tgħid is-soċjetà ċivili li ddikjarat li ma kellhiex iż-żmien meħtieġ biex tanalizza u tersaq bil-proposti.
Louis Grech qal li l-laqgħa saret b’urġenza fuq talba kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni u qed ngħidu li r-riflessjonijiet tal-NGOs u s-soċjetà ċivili kulħadd ikun jista’ jressaqhom fl-istadju ta’ Kumitat.
Mario de Marco qal li fl-stadju ta’ Kumitat nitkellmu fuq id-dettal tal-liġi u mhux fuq il-ħsieb u l-prinċipji tal-Liġi għax fl-istadju ta’ Kumitat nidħlu fl-abbozzar tal-liġijiet. L-Oppożizzjoni mhix qed taqbel għaliex l-istadju tat-Tieni Qari hu stadju importanti fid-dibattitu u hu importanti li l-Gvern jifhem li jissopendi d-dibattitu.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li jekk il-Gvern fl-istadju ta’ Kumitat se jħalli lid-deputati li jitkellmu fuq prinċipju, il-pożizzjoni u ċ-ċirkustanzi jkunu differenti.
L-Oppożizzjoni trid tisma’ l-ewwel lis-soċjetà ċivili titkellem
Mario de Marco qal li jekk il-Gvern irid li d-diskussjoni fuq il-prinċipju se tibqa’ miftuħa, id-dibattitu għandu jieqaf issa fl-istadju tat-Tieni Qari għaliex anke f’dan l-istadju jkun hemm argumenti fuq emendi għal tibdil fil-liġi u għalhekk hu importanti li nissospendu f’dan l-istadju biex nistennew il-konsultazzjoni.
Mario de Marco qal li hu jirrappreżenta l-poplu li eleġġih u lill-poplu kollu Malti u Għawdxi li fosthom hemm is-soċjetà ċivili, u qabel ma jitkellem irid jisma’ lis-soċjetà ċivili.
Louis Grech qal li l-messaġġ tal-Oppożizzjoni mhux korrett – dak li hi biss tirrappreżenta l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi għax hu wkoll il-Gvern bil-maġġoranza li għandu li qed jirrappreżenta wkoll lis-soċjetà.
Il-Gvern se jkun qiegħed iimur kontra l-iStanding Orders
David Agius stieden lill-Gvern jaqra Standing Order 10 li f’Kumitat, abbozz ma jiġix diskuss il-prinċipju iżda d-dettal, u l-Gvern ikun qed jikser l-iStanding Order.
Louis Grech wieġeb li s-separazzjoni tal-MEPA hi prinċipju fundamentali kif approvat mill-elettorat fil-manifest. Jekk ikun hemm tibdil fid-dettal ikun ukoll rifless tibdil f’ċertu affarijiet u prinċipji.
Mario de Marco staqsa x’se tkun il-pożizzjoni tal-Gvern jekk is-soċjetà ċivili tkun kontra l-iżmantellar tal-MEPA, bil-Gvern iwieġeb li dan ġie approvat mill-elettorat, bil-Viċi Kap tal-Oppożizjzoni jwieġeb li l-konsultazjzoni għaldaqstant qed issir għalxejn.
Il-Parlament se jaġġorna fl-20 ta’ Lulju għall-waqfa tas-sajf
Il-Gvern baqa’ jsostni li se jibqa’ jiddiskuti l-liġijiet ambjentali u informa lill-Oppożizzjoni li se jkun hemm seduti kemmm filgħodu kif ukoll filgħaxija qabel ma jaġġorna l-Parlament għall-waqfa tas-sajf, nhar it-Tnejn 20 ta’ Lulju. L-Oppożizzjoni talbet ukoll biex tingħata indikazzjoni dwar meta hu maħsub li jerġa’ jibda jiltaqa’ wara l-waqfa tas-sajf, bil-Gvern iwieġeb li se jinforma lill-Oppożizzjoni b’dan aktar tard.
Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra qabel fuq il-ġranet li fihom se jitlaqqa’ l-Parlament u meta l-liġijiet li se jkunu diskussi, fosthom dawk li l-Gvern irid ikompli jiddibatti b’rabta mas-seperazzjoni tal-MEPA.
L-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-Gvern li l-voti dwar l-ambjent jittieħdu meta l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jkunu msefrin
Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius oġġezzjona għall-proposta tal-Gvern li l-vot dwar it-tliet liġijiet tal-Gvern dwar it-twaqqif tal-awtorità tal-ambjent, l-awtorità tal-Ippjanar u t-Tribunal ta’ Reviżjoni, jittieħdu nhar l-Erbgħa li ġej meta l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jkunu msefrin.
David Agius insista li ma jagħmilx sens li liġijiet daqstant importanti jittieħed vot dwarhom bin-nuqqas tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Tnejn minn dawn lijiet qed jitressuqu mill-Prim Ministru stess. Il-vot issa hu mistenni li jittieħed fit-tmiem tas-seduta ta’ filgħodu tat-Tnejn 20 ta Lulju.
//= $special ?>