Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella esprima l-allarm u l-inkwiet serju tiegħu li fil-bini tal-Parlament fl-uffiċċju tiegħu, jista’ jispiċċa fil-mira ta’ xi ħadd b’rasu sħuna.
Dan l-inkwiet tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin twassal b’email li bagħat lill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, u lill-Ministru Michael Farrugia, u li l-Whip tal-Oppożizzjoni ppreżenta llejla fi tmiem il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra.
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qara l-kontenut ta’ din l-ittra, u għaddiha lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li kien qiegħed jippresiedi l-Kumitat, kif ukoll lill-membri tal-Gvern li ma kinux konxji minn din l-ittra u minn dan it-tħassib tal-Ministru George Vella.
Il-fatt li din l-email kienet ikkomunikata lill-Ministru Farrugia, seta’ kien żball u li ried jibgħatha lill-Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia.
Fl-email tiegħu, il-Ministru George Vella qal li fl-uffiċċju tiegħu, ħamsa jew sitt metri ‘l bogħod min-nies kollha li jkunu tilgħin jew neżlin dak li sejjaħ bħala l-famuż taraġ li jagħti għaz-zona tal-Bank Ċentrali, it-twieqi la huma “tinted” u lanqas “one way” peress li dan jgħarraq id-dehra minn barra.
Kompla jilmenta li t-twieqi lanqas mhuma ta’ tip bullet proof.
Għaldaqstant fisser li meta jkun bilqiegħda fl-uffiċċju tiegħu, m’għandu xejn jilqagħlu u għalhekk qiegħed espost għal dak kollu li jista’ jseħħ.
“U tista’ tgħid li ninsab għall-mira ġo akwarju mdawwal għal kull bniedem b’rasu sħuna jew ġiħadista li jixtieq jagħmel ‘stqarrija’ għal kwalunkwe grupp ta’ estirmisti bħalma diġà seħħ diġa f’Sydney fl-Awstralja, u fil-mużew ta’ Bardo, fit-Tuneżija.
“Qegħdin nistiednu inċident ta’ dan it-tip”, kompla jilmenta l-Ministru George Vella li staqsa min kien responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet u dak li sejjaħ bħala nuqqas ta’ viżjoni.
Talab ukoll biex din il-korrispondenza tgħaddi lill-membri tal-Kamra kollha għaliex ma kienx jaf kif jindirizza lil kulħadd.
//= $special ?>