Il-Papa Franġisku kompla biż-żjara tiegħu fil-Bolivja fejn iċċelebra quddiesa fil-miftuħ għall-mijiet tal-eluf tad-devoti fl-inħawi ta’ Santa Cruz.
Iżda aktar minn hekk spikkat mill-ġdid l-umiltà tal-Papa li uża ristorant tal-Burger King bħala sagristija fejn seta’ jbiddel ħwejjġu għall-quddiesa. Ir-rapporti qalu li r-ristorant kien ibbukkjat minn qabel mill-organizzaturi viċin il-Papa li dam siegħa jivvjaġġa bil-popemobile mit-toroq ta’ Santa Cruz.
Waqt l-omelija, il-Papa insista biex il-Kattoliċi fil-Bolivja jiċħdu l-konsumeriżmu u spjega li s-sistema ekonomika teskludi lin-nies filwaqt li ttella’ l-ostakoli. Hu fl-istess ħin ikkundanna l-mentalità li kull ħaġa fid-dinja għandha prezz u li kollox jista’ jinxtara.
Aktar ‘il quddiem, il-Papa għamel diskors lill-kapijiet ċivili u talab skuża għall-azzjonijiet tal-Knisja Kattolika kontra l-popli indiġeni waqt il-kolonjalizzazzjoni tal-pajjiżi Latini Amerikani. Hu sostna li qed jitlob apoloġija bl-umiltà kollha għar-reati li kienu twettqu fl-antik.
Intant, il-Papa għandu jivvjaġġa lejn il-Paragwaj għall-aħħar impenji tal-vjaġġ li qed jagħmel fl-Amerika Latina.
//= $special ?>