F’dan il-ħin tħabbar li l-Papa Franġisku ħatar lir-Reverendu Patri George Bugeja OFM, bħala Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli.
Patri George Bugeja huwa Superjur tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem (Djoċesi ta’ Għawdex).
Din l-aħbar saret f’nofsinhar fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, minn Mons. Mario Roberto Cassari, Nunzju Appostoliku għal Malta u l-Libja, fil-preżenza tal-Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija, l-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Maltin Patri Richard Grech, u l-kleru Għawdxi.
In-nomina qed tidher ukoll fil-Bulettin tal-Aħbarijiet tas-Santa Sede.
L-Ordinazzjoni Episkopali mistennija tinżamm Għawdex fl-4 ta’ Settembru li ġej, imma aktar dettalji jingħataw ’il quddiem.
Min hu Patri George Bugeja OFM?
Patri George Bugeja OFM għandu 53 sena u hu l-kbir fost ħames aħwa subien.
Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fil-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria u fil-Kulleġġ De La Salle. Irċieva l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċew tas-Subien fix-Xagħra, f’dak tal-Belt Victoria, u f’dak tal-Ħamrun.
Beda s-sena tal-Postulandat fil-Kunvent tal-Ħamrun fl-1976, u fit-2 ta’ Ottubru 1977 ta bidu għas-sena tan-Novizzjat fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem. Għandu diploma fil-ġurnaliżmu u l-ispiritwalità.
Għamel il-Professjoni Solenni fit-28 ta’ Awwissu 1983, u fid-9 ta’ Lulju 1984 ingħata l-Ordinazzjoni Djakonali. Ġie ordnat saċerdot nhar il-5 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi.
Għal dawn l-aħħar 5 snin, hu serva bħala uffiċjal tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli (Propaganda Fidei), fil-Belt tal-Vatikan, U f’Jannar li għadda nħatar Gwardjan tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem. Riċentement l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħatru Delegat tiegħu għar-Reliġjużi.
//= $special ?>