L-Oppożizzjoni Nazzjonalista esprimiet it-tħassib tagħha għall-aħbar li l-Gvern qed ifittex li jixtri teknoloġija biex ikun jista’ jagħmel hacking u spjunaġġ fuq emails u attivitajiet online ta’ ċittadini privati.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu ma jridx Big Brother li jwettaq spjunaġġ fuqu. Min-naħa l-oħra, il-Gvern diġà għandu trackrecord ta’ affarijiet li saru bil-moħbi, fosthom id-deals mal-iżviluppaturi taż-Żonqor, mal-Electrogas, mas-SOCAR u ma’ Henley & Partners.
Il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil qal li hemm drittijiet fundamentali fin-nofs, fosthom id-dritt tal-privatezza, u l-Oppożizzjoni se tiddefendi dawn il-libertajiet. Qal li l-Prim Ministru għandu jagħti spjegazzjoni pubblika dwar x’inhu jagħmel u għaliex, filwaqt li jispjega l-involviment personali tiegħu f’dan il-każ.
Simon Busuttil qal ukoll li l-publiku għandu d-dritt ikun jaf, tant li se jqajjem dan il-punt waqt il-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, skedata għall-20 ta’ Lulju li ġej.
Sadanittant, anke l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), fi stqarrija esprima t-tħassib li llum il-ġurnata, ċittadini Maltin m’għandhomx ikunu suġġetti għal hacking u spjunaġġ mill-Gvern taghhom stess, speċjalment fi stat modern, demokratiku u Ewropew.
L-MŻPN qal li f’temp ta’ sentejn u ftit xhur, l-amministrazzjoni Laburista diġà għandha trackrecord li juri kemm il-Gvern hu lest jaġixxi minn wara dahar il-poplu biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Il-poplu Malti ma jrid l-ebda Big Brother, temmet tgħid l-istqarrija tal-MŻPN.
//= $special ?>

