Lokali

Imfakkar il-201 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija

Fil-ħajja tal-Korp tal-Pulizija, jgħodd dak li qal Ġesù fil-Vanġelu meta bagħat lid-Dixxipli tiegħu jwasslu l-messaġġ tiegħu … li se jkunu bħan-nagħaġ qalb l-ilpup. Dan qalu l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna fil-Quddiesa f’għeluq il-201 sena mit-twaqqif tal-Korp. Il-Quddiesa saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta qal li l-membri tal-Korp iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna lpup, tant li jrid ikollhom ħafna għaqal mingħajr ma jaqgħu għat-tentazzjonijiet li jistgħu jsibu ma’ wiċċhom. Sostna li l-Pulizija jridu jagħmlu ġieħ lir-Repubblika ta’ Malta u lid-dinjità tal-bniedem, b’responsabbiltà li jkunu ta’ eżempju tajjeb anke meta jkunu mingħajr l-Uniformi.

Preżenti għall-Quddiesa kien hemm fost l-oħrajn il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, Uffiċjali u membri tal-Korp tal-Pulizija.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-201 sena mit-twaqqif tal-Korp, wara l-Quddiesa saret ukoll Spezzjoni tal-Gwardja tal-Unur mill-President ta’ Malta u s-Salut lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Ingħata wkoll is-Salut mill-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, f’għeluq ukoll tat-300 sena mit-twaqqif tar-Royal Regiment.