Lokali

“Ix-xufier kisirni quddiem in-nies għax il-card ma bdietx taħdem”

Aġġornata: Isma’ l-kummenti tal-persuna

Għaxart ijiem wara li bdew il-cards, is-servizz tat-trasport pubbliku jibqa’ jiddiżappunta lil ħafna

“Ix-xufier kisirni quddiem in-nies li kien hemm fuq tal-linja għax il-card ma bdietx taħdem”. Kien dan il-kumment ta’ persuna li f’kummenti ma’ MaltaRightNow.com saħqet li minkejja li s-servizz tat-trasport pubbliku ilu mill-1 ta’ Lulju jopera permezz tal-cards, xorta għad hemm problemi fis-servizz.

Il-persuna qaltilna li hi għamlet il-card għaliex tuża t-trasport pubbliku biex tmur għax-xogħol u issa se jkollha tieħu ġurnata leave mix-xogħol biex tmur tikkjuwja fit-terminus tal-Belt biex jirranġawlha l-card.

F’kummenti ma’ MaltaRightNow.com din il-persuna kummentat li sa’ mill-1 ta’ Lulju l-card ma ħadmitx, bil-magni fuq ix-xarabank jimmarkaw ‘not valid for travel’, jiġifieri indikazzjoni li l-card ma jkunx fiha flus.

Madanakollu, din il-persuna qaltilna li kkuntattjat il-customer care tal-Malta Public Transport li kkonfermaw li l-card kien fiha €20. Madanakollu, l-card baqgħet ma taħdimx.

Sal-bieraħ stess din il-persuna għamlet kuntatt ieħor mal-customer care tal-Malta Public Transport li qalulha li kellha tmur it-terminus tal-Belt biex tissolvielha l-problema.

Din il-persuna saħqet li huwa inaċċettabbli li persuna jkollha tieħu ġurnata leave biex tmur fil-kju biex tirranġa ħsara bil-card. Saħqet li din hija xi ħaġa li kellha tkun irranġata sa’ mill-bidunett.