Lokali

L-ambjent u t-traffiku fost l-akbar problemi għall-Maltin

L-ambjent u t-traffiku huma fost l-ikbar problemi li skont il-Maltin qed jiffaċċja l-pajjiż bħalissa. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-InsightPolls, li hija mmexxija mill-kumpanija MISCO International Limited u Corporate Identities Limited.

L-istħarriġ sar bejn it-18 u l-25 ta’ Ġunju u sar fost 542 persuna li jirrappreżentaw il-popolazzjoni Maltija f’termini ta’ eta’ u sess. Fl-istħarriġ, dawk li ħadu sehem kienu ppreżentati b’lista ta’ temi u kienu mitluba jagħżlu liema minnhom huma s-suġġetti ewlenin li Malta tiffaċċja bħalissa.

Skont l-istħarriġ, 32% tal-Maltin jikkunsidraw l-immigrazzjoni bħala problema li qed jiffaċċja l-pajjiż. 25% tal-Maltin jikkunsidraw l-ambjent bħala problema filwaqt li 20% tal-Maltin iqisu t-traffiku bħala problema fil-pajjiż.

Fl-aħħar jiem, l-ambjent spiċċa fiċ-ċentru ta’ numru ta’ kontroversji hekk kif il-Gvern qed jipprova jgħaddi b’għaġla mill-Parlament tlett liġijiet li permezz tagħhom issir il-qasma fil-MEPA, b’mod li l-ambjent jinfired minn mal-ippjanar. Il-ħeffa min-naħa tal-Gvern biex jgħaddu dawn it-tlett liġijiet mill-Parlament qed issir fid-dawl ta’ kritika qawwija mill-għaqiet non-governattivi fil-konfront tal-Gvern għall-fatt li ma ngħatawx ċans li ssir konsultazzjoni.

Il-kontroversja b’rabta ma’ dawn it-tlett liġijiet, issegwi l-kontroversja tal-iżvilupp tal-Universita’ Amerikana fiż-zona taż-Żonqor, proposta li sabet oppożizzjoni minn kull naħa tas-soċjeta’ ċivili.

Anke t-traffiku fl-aħħar jiem kompla jiddomina l-aħbarijiet b’numru dejjem jikber ta’ persuni li qed ikomplu jilmentaw dwar l-ammont kbir ta’ traffiku li qed ikun hawn fil-pajjiż. Aktar minn hekk, żdiedet ukoll il-kritika għas-servizz tat-trasport pubbliku li bħalissa għaddej minn perjodu ta’ diżorganizazzjoni minħabba l-fatt li l-cards il-ġodda mhumiex qed jaħdmu.

L-istħarriġ ipoġġi l-għoli tal-ħajja fil-lista ta’ problemi li skont 7% tal-Maltin qed jiffaċċja l-pajjiż, is-saħħa hu meqjus bħala problema skont 4% tal-Maltin filwaqt li 3% tal-Maltin iqisu s-sitwazzjoni interna, l-ekonomija, l-edukazzjoni, il-liġi u l-ordni u l-qagħad bħala problemi f’Malta.