Lokali

L-Ungeriż b’kwerela kriminali kontra l-mara li beżqitlu

L-Ungeriż ta’ karnaġġjon skur li kien involut fil-ġlieda li kienet seħħet fl-1 ta’ Lulju fit-terminus tal-Belt, fetaħ kwerela kriminali kontra l-mara li kienet beżqitlu talli dan prova jorganizza l-kju ta’ nies li nġabru quddiem il-kjosk tal-Malta Public Transport.

L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Lulju, fil-jum meta bdiet is-sistema l-ġdida bl-użu ta’ cards bħala mod ta’ ħlas għall-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku. Konsegwenza tal-inċident, Jack Daboma ta’ 29 sena kien ġie arrestat għal ftit ħin qabel ma nħeles mill-Pulizija wara nsistenza ta’ xhieda li kienu fuq il-post.

Fil-kwerela kriminali li nfetħet mill-avukat Roberto Montalto, il-Kummissarju ġie msejjaħ biex jieħu passi fil-konfront tal-mara ta’ 29 sena mill-Belt talli inċitat mibiegħda fuq bażi ta’ razza.

Fil-kwerela kriminali, apparti l-inċitazzjoni ta’ mibgħieda fuq bażi ta’ razza, Daboma jsejjaħ ukoll għal passi talli saru akkużi foloz u malizjuzzi mill-mara fil-konfront tiegħu. Skont Daboma, il-mara għamlet numru ta’ allegazzjonijiet foloz fil-konfront tiegħu b’mod malizzjuz.

Allegatament, wara l-inċident, kienet ġiet użata l-forza fuq Jack Daboma minn Pulizija tar-Rapid Intervention Union (RIU) u dwar dan wara kien tħabbar li bdiet investigazzjoni interna fil-Korp tal-Pulizija dwar il-mod kif Jack Dabomba ġie arrestat u detenut għal xi ħin qabel ma reġa’ nħeles.