Lokali

Membri tal-MUMN trattati agħar minn ħaddiema oħra f’San Vinċenz – L-MUMN

Il-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel mhux se taċċeta aktar sitwazzjoni fejn ħaddiema f’San Vinċenz de Paul li huma membri tagħha qed jiġu trattati agħar minn ħaddiema oħra f’każi ta’ passi dixxiplinarji.

Fi stqarrija l-MUMN spjegat li qed tipprotesta mal-management tar-residenza dwar il-mod kif għal żmien twil, ċertu impjegati f’San Vinċenz de Paule li m’humiex membri tal-MUMN ma ġewx dixxiplinati wara li nqabdu li kisru r-regolamenti tad-dixxiplina b’mod serju u aggravat, jew inkella ingħatat biss twissija żgħira biex ikun jidher li sar xi ħaġa.

L-MUMN qalet li dan b’kuntlarju ta’ ħaddiema f’San Vinċenz li huma wkoll membri tal-MUMN u li kienu qed jispiċċaw vittmi ta’ passi dixxiplilnarji drastiċi, anke’ possibilment tkeċċija, għal sitwazzjonijiet ħafna iżgħar minn dawk li l-management ħa fil-konfront ta’ ħaddiema mhux membri tal-MUMN.

Dwar din is-sitwazzjoni, l-MUMN ħabbret li se tlaqqa’ lill-uffiċjali tagħha sabiex jiġi deċiż liema passi għandhom jittieħdu sabiex jiġu mħarsa l-interessi mal-membri tagħha.

L-MUMN żiedet li aktar minn hekk, il-passi dixxiplinarji drastiċi fil-konfront ta’ ħaddiema membri tagħha ttieħdu fir-rigward ta’ nuqqasijiet li l-ħaddiema ma kellhomx kontroll assolut fuqhom minħabba nuqqasijiet tal-istess residenza.

L-MUMN saħqet li hi m’hijiex kontra li jittieħdu passi dixxiplinarji fejn ikun meħtieġ, pero’ kull każ irid jittieħed fl-ambitu tiegħu u l-istess riga għandha tiġi applikata għal kulħadd mingħajr l-ebda distinzjoni jew favur.