Internazzjonali

Ottimiżmu u inċertezza wara l-proposti tal-Greċja

Uffiċjali fiz-zona ewro kellhom kliem pożittiv għall-aħħar pakkett ta’ proposti li ressqet il-Greċja u rreferew għalihom bħala serji u dettaljati. B’dawn il-proposti, il-Gvern Grieg immexxi mill-Prim Ministru Alexis Tsipras qed jittama li jikseb it-tielet bailout kruċjali (wara l-bailout li skada fit-30 ta’ Ġunju) u li l-Greċja tibqa’ tifforma parti mill-ewro.

Jeroen Dijsselbloem, il-President tal-Eurogroup tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro, qal li l-Ministri, għada, se jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu r-reazzjoni għall-proposti tal-Greċja. Madankollu, il-Ġermanja għamlitha ċara li ftit hemm potenzjal biex jitnaqqas il-piż tad-dejn għall-Griegi.

Id-deputati fil-Parlament tal-Greċja il-lejla jivvutaw dwar il-proposti diffiċli ppreżentati mill-Prim Ministru Tsipras, biex pajjiżu ma jbatix kroll finanzjarju assolut.

Kelliema għall-Partit Syriza, li jmexxi l-Gvern ta’ Ateni, huma fiduċjużi li d-deputati parlamentari jagħtu l-mandat meħtieġ lill-Gvern biex jinnegozja l-pakkett ġdid għall-bailout. Il-Gvern ta’ koalizzjoni li jmexxi Tsipras għandu 162 siġġu fil-Parlament ta’ 300 deputat flimkien mal-appoġġ ta’ ħafna deputati fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Il-proposti ġodda tal-Greċja jimmiraw fost oħrajn għal tnaqqis fil-pensjonijiet u ż-żidiet fit-taxxa. Dan meta nhar il-Ħadd għandu jsir summit għall-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li se jiddeċiedu dwar il-Greċja.

Il-President ta’ Franza, Francois Hollande fisser il-proposti ġodda tal-Greċja bħala ‘ kredibbli’ waqt li l-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, qed jittama li, fis-sigħat li jmiss, jintlaħaq ftehim importanti li jevita l-ħtieġa għal-laqgħat ta’ għada.

Tsipras, tard fil-lejl tal-Ħamis, kien ressaq id-dokument bid-diversi proposti lill-kredituri tal-Greċja li jinkludu l-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Aktar kmieni llum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker; il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi; il-Kap tal-IMF, Christine Lagarde u Jeroen Dijsselbloem ħadu sehem f’conference call dwar il-proposti ġodda tal-Greċja.

Iżda l-Ġermanja, li hi l-akbar kreditur tal-Greċja, ma kkummentatx fid-dettall dwar il-pjan ġdid imressaq minn Tsipras.