Tgħid li kellha l-intenzjoni li tolqtu b’daqqa f’wiċċu, iżda li xorta tiskuża ruħha
Il-mara li allegatament beżqet f’wiċċ Jack Daboma, f’inċident li seħħ fl-1 ta’ Lulju fit-terminus tal-Belt, ammettiet li riedet tobżoq f’wiċċ l-Ungeriż ta’ karnaġġjon skur, iżda ma rnexxiliex tolqtu.
Il-mara ammettiet dan waqt il-programm Xarabank, f’feature li xxandar il-Ġimgħa filgħaxija.
Il-mara, li l-identita’ tagħha ma ġietx mikxufa, ammettiet ukoll li kellha l-intenzjoni li tolqtu f’wiċċu meta għolliet idejha biex twarrab il-mobile li skont hi, Jack Daboma kien qed jiffilmja bih.
Hi qalet li ma kienetx se tħalli lill-Ungeriż jirredikolaha billi jgħidilha li kien se jitfa’ filmat tagħha fuq youtube.
Fil-feature, il-mara kemm-il darba saħqet li hi ma semmietx kuluri tal-ġilda. Filwaqt li ammettiet ukoll li qalet lir-raġel ‘go back to your country’, il-mara qalet ukoll li kieku kien Ingliż li qalilha l-istess kliem, hi kienet tgħidlu l-istess.
Saħqet li l-imgħallma tagħha hi ta’ karnaġġjon skur filwaqt li għandha wkoll qraba b’ġilda skura u tenniet li hi m’għandiex problemi bil-kulur tal-ġilda.
Fil-feature li xxandar waqt Xarabank, il-mara qalet ukoll li ma ħarbitx minn fuq il-post, iżda sempliċiment telqet minn hemm għax kienet lesta mill-qadi li kellha – filwaqt li saħqet li ma kinitx taf li din l-istorja kienet se tikber daqsekk.
Il-mara qalet li marret minn jedda għand il-Pulizija. Saħqet li minkejja li beżqet u ma laqtitux u li d-daqqa ta’ ħarta ma rriżultatx, xorta waħda tiskuża ruħha ma’ Jack Daboma.
//= $special ?>

