Sport

West Ham mingħajr Sakho għal kontra B’Kara FC

Il-manager il-ġdid ta’ West Ham United Slaven Bilic kellu bidu tar-rebħ u meta minkejja li t-tim tiegħu spiċċa b’10 plejers għadda mill-ewwel round tal-Europa League kontra t-tim modest ta’ Lusitanos minn Andorra biex issa jiltaqa’ kontra t-tim Malti ta’ Birkirkara FC li elimina lil Ulisses tal-Armenja.

Il-Hammers lagħbu għal 75 minuta bi plejer anqas meta Diafra Sakho tkeċċa għal argument mad-difensur Luigi San Nicolas. Dan ifisser li l-attakkant mis-Senegal se jkun sospiż u għalhekk mhux se jkollu sehem fiż-żewġ konfronti kontra Birkirkara mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni.

Il-Kroat Bilic ħa t-tmexxija tat-tim għall-ewwel darba u kompla jibni fuq ir-rebħa komda 3-0 li kiseb fl-ewwel leg, b’rebħa 0-1. Elliott Lee skorja l-gowl rebbieħ fil-21 minuta. Kien l-ewwel gowl għal Lee, li jiġi iben l-eks midfielder ta’ Newcastle, West Ham u l-Ingilterra, Rob, mal-Hammers.

Bilic li għandu 46 sena il-ġimgħa l-oħra kien akkużat b’nuqqas ta’ rispett mill-kowċ ta’ Lusitanos Xavi Roura talli naqas milli jmexxi lit-tim minn fuq il-bank fl-ewwel leg u segwa l-partita mill-istands waqt li ħalla lit-tim jitmexxa mill-manager tal-akkademja Terry Westley.

Imma Bilic kien fit-tmexxija fit-tieni leg li rat lit-tim tiegħu jgħaddi għat-tieni round kontra t-tim ta’ Birkirkara bil-partiti jkunu fis-16 tax-xahar f’Upton Park u fit-23 f’Ta’ Qali.

Il-Hammers iridu jissuperaw tliet rounds oħra biex jaslu sal-fażi tal-gruppi.

Il-klabb tal-Premier Ingliż qed jieħu sehem fit-tieni l-akbar kompetizzjoni tal-klabbs fl-Ewropa wara li spiċċa fl-ewwel post fil-klassifika tal-Fair Play League l-istaġun li għadda.

Intant West Ham ħabbru li kienu akkwistaw lid-difensur ċentrali Taljan Angelo Ogbonna għal somma ta’ 10 miljun sterlina.

Huwa sar il-ħames akkwist ta’ West Ham dan is-sajf wara Pedro Obiang, Dmitri Payet, Darren Randolph u Stephen Hendrie.