Internazzjonali

Aktar dettalji dwar ‘ir-renju tat-terrur’ ta’ Kim Jong-un

L-Uffiċjali fil-Korea t’Isfel qalu li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qatel talanqas 70 uffiċjal komunista mindu ħa l-poter fi Pyongyang, fl-2011.

Ir-‘renju tat-terrur’ ta’ Kim Jong-un jingħad li qabeż anki l-livell tal-atroċitajiet li twettqu waqt l-ewwel snin tal-poter ta’ missieru (l-eks-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq) Kim Jong-il.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea t’Isfel, Yun Byung-se, qal li Kim Jong-il kien ħa ħsieb l-esekuzzjonijiet ta’ xi għaxar uffiċjali tar-reġim fil-bidu li ħa r-riedni fil-Korea ta’ Fuq.

Intant, is-servizzi sigrieti f’Seoul jemmnu li Kim Jong-un ‘issupera bil-kbir lil missieru’ fejn jidħol il-qtil tal-uffiċjali. Madankollu huma ma żvelawx minfejn kisbu din l-informazzjoni.

Fl-istess ħin, il-Ministru Yun qal li ‘r-renju tat-terrur ta’ Kim Jong-un jaffettwa b’mod sinifikanti lin-nies tal-Korea ta’ Fuq li qegħdin jaħdmu barra pajjiżhom.’ Hu spjega li hu proprju l-aġir brutali tal-Mexxej Korean komunista li jservihom ta’ ‘ispirazzjoni’ biex jaħarbu lejn il-Korea t’Isfel.

Il-Korea ta’ Fuq ilha taħt it-tmexxija tal-familja ta’ Kim mindu Kim il-Sung, in-nannu ta’ Kim Jong-un, waqqaf il-pajjiż Stalinista fl-1948.

Daniel Pinkerton, il-viċi-Project Manager tal-International Crisis Group qal li reġim tipiku bħal tal-Korea ta’ Fuq ikun ‘mifni bi vjolenza’ u fejn ‘id-dittatur li jmexxi juża l-vjolenza bħala strument li jservi l-iskopijiet tiegħu’.

Pinkerton, iżda, qal li kull dittatur irid ikun attent kif iwettaq il-vjolenza għaliex jista’ jqanqal reazzjoni u riperkussjonijiet inevitabbli.

Hu jirreferi għal Kim Jong-un bħala ‘bniedem bi stimolu u bla paċenzja’ li jista’ jkun aktar lest minn ħaddieħor li jirrikorri għall-vjolenza.