Lokali

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ma jafx minn fejn qed taħdem Sai Mizzi

Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed titħallas €13,000 fix-xahar

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ma jafx minn fejn qed topera l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi, li ftit wara l-elezzjoni ġenerali nħatret mibgħut speċjali ta’ Malta f’Shanghai għal salarju bażiku ta’ €13,000 fix-xahar.

Din l-aħbar, li l-Ministru responsabbli mill-affarijiet barranin ma jafx minn fejn qed topera Sai Mizzi, ġiet żvelata fuq il-ħarġa tal-lum ta’ The Times, fejn jiġi rrappurtat li George Vella iddefenda l-impjieg tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Times of Malta tirrapporta lil Vella jgħid li min jaħseb li l-impjieg bħala Konslu ngħata biex jakkomoda l-mara tal-Ministru ‘għandu moħħ ta’ piżella’.

Times of Malta tirrapporta wkoll kummenti tal-Ministru George Vella li qal li aktar tard dan is-sajf se jinfetaħ uffiċju f’Shanghai li se jservi bħala konsulat minn fejn il-mara tal-Ministru se tkun qed isservi bħala Konslu Ġenerali. Sai Mizzi nħatret Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Shanghai f’Settembru li għadda. L-uffiċju nxtara għas-somma ta’ €1.9 miljun.