Internazzjonali

Il-Parlament Grieg japprova l-pjan ta’ riforma

Matul il-lejl li għadda l-Parlament Grieg approva l-pjan tal-Gvern għal riforma ekonomika u li għandu l-għan li jassigura li l-pajjiż jikseb it-tielet bailout kruċjali biex il-Greċja ma jkolliex kroll finanzjarju u biex tibqa’ tifforma parti mill-ewro.

Wara l-vot fil-Parlament Grieg, li ttieħed tard il-lejl li għadda, il-Prim Ministru Alexis Tsipras qal li b’hekk kellu mandat qawwi biex itemm in-negozjati mal-kredituri Griegi. Madanakollu kien hemm xi membri parlamentari, anke min-naħa ta’ Alexis Tsipras stess, li m’appoġjawx dan il-pjan bħala protesta għall-miżuri t’awsterita li jinkludi l-pjan.

Dan kollu hekk kif uffiċjali fiz-zona ewro kellhom kliem pożittiv għall-pakkett ta’ proposti li ressqet il-Greċja u rreferew għalihom bħala serji u dettaljati.

Intant, illum, il-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro se jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu r-reazzjoni għall-proposti tal-Greċja. Madankollu, il-Ġermanja għamlitha ċara li ftit hemm potenzjal biex jitnaqqas il-piż tad-dejn għall-Griegi.