Futbol Sport

Jittellgħu l-poloz tal-Kampjonati tal-MFA

Wara l-poloz tal-Kampjonat Premier li ttellgħu f’Ġunju waqt is-serata tal-premjazzjoni tal-unuri tal-MFA, illum kien imiss it-tlugħ tal-poloz tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni tal-MFA li għat-tliet snin li ġejjin se jerġgħu jkunu sponsorjati mill-BOV. Dawn il-kampjonati jibdew f’Settembru u jintemmu f’April.

Il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni se jerġa’ jkun b’14-il tim u jibda fil-11 ta’ Settembru u jintemm fl-24 ta’ April. Għal darb’oħra l-partiti se jintlagħbu fis-Centenary Stadium, Luxol Stadium u l-Victor Tedesco Stadium b’partita waħda nhar ta’ Ġimgħa, tnejn is-Sibt u erbgħa l-Ħadd jew inkella jalternaw.

Iż-żewġ timijiet relegati mistenni jkollhom sfida hekk kif Pietà Hotspurs se jkunu qed jiltaqgħu kontra Vittoriosa Stars u Żebbuġ Rangers kontra ċ-Champions tat-Tieni Diviżjoni San Ġwann.

Gżira United li kienu ferm viċin il-promozzjoni dan l-istaġun, jibdew kontra Lija Athletic, Fgura United kontra t-tim promoss ta’ Ħamrun Spartans, Rabat Ajax jibdew kontra St. George’s u Senglea A. kontra Mqabba waqt li l-logħba l-oħra fl-ewwel ġurnata tkun bejn Gudja United u Melita.

Żewġ timijiet se jerġgħu jkunu promossi u t-tim li jtemm it-tielet se jerġa’ jilgħab fi promotion decider kontra t-tim li jispiċċa t-tielet mill-aħħar (10 post) fil-Premier.

Il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni ukoll se jkun b’14-il tim u se jibda fit-18 ta’ Settembru u jintemm fil-25 ta’ April bil-partiti jintlagħbu fis-Centenary Stadium, Charles Abela Stadium, Luxol Stadium u Sirens Stadium. Logħba waħda tintlagħab nhar ta’ Ġimgħa u l-kumplament bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Fl-ewwel ġurnata minn dan il-kampjonat Sirens jibdew kontra Siġġiewi, Mġarr United v B’Bugia SP, Kirkop Utd v Qrendi, Żurrieq v Żabbar SP, Msida SJ v Mellieħa, Zejtun v Marsa u Għargħur kontra Swieqi Utd.

Din is-sena tliet timijiet se jkunu promossi fl-Ewwel Diviżjoni u tim wieħed biss se jkun relegat.

Il-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni se jkun bi 13-il tim u jibda fid-19 ta’ Settembru u jintemm fl-24 ta’ April bil-logħob kollu jsir fl-istess grounds fejn isiru dawk tat-Tieni Diviżjoni bid-differenza li s-sitt partiti jintlagħbu bejn is-Sibt u l-Ħadd. Minn din id-diviżjoni se jkunu promossi żewġ timijiet waqt li l-aħħar tnejn ikunu jridu jerġgħu japplikaw.

Fl-ewwel ġurnata Kalkara jibdew kontra l-ġirien Xgħajra Tornadoes, Attard kontra Dingli S, Sta Lucia kontra Santa Venera L., Marsaskala jiltaqgħu kontra Mtarfa, Ta’ Xbiex kontra Luqa SA u Mdina Knights kontra Marsaxlokk. Għaxaq jilagħbu l-ewwel logħba kontra Kalkara.

Charles Borg Kap Eżekuttiv tal-BOV qal li l-Bank dejjem hu minn ta’ quddiem biex jgħin fl-isport lokali u dan jagħmluh għax iridu jaraw li l-isport jibqa’ jimxi l-quddiem f’pajjiżna. Huwa qal li importanti li f’kull klabb ikun hemm nies ta’ stoffa u kapaċi li jieħdu d-deċiżjonijiet għaqlin fil-mument meta l-aktar li jkun hemm bżonn.
Il-programm tal-ewwel ġurnata se jkun dan:

L-Ewwel Diviżjoni
Fgura Utd v Ħamrun S.
Rabat A v St. George’s
San Ġwann v Żebbuġ R
Gżira Utd v Lija A
Vittoriosa S v Pietà H
Senglea A v Mqabba
Gudja Utd v Melita

It-Tieni Diviżjoni
Sirens v Siġġiewi
Mġarr v Birżebbuġa
Kirkop Utd v Qrendi
Żurrieq v Zabbar
Msida SJ v Mellieħa
Żejtun C v Marsa
Għargħur v Swieqi Utd

It-Tielet Diviżjoni
Kalkara v Xagħjra T
Attard v Dingli S
St. Lucia v St. Venera L
Marsascala v Mtarfa
Ta’ Xbiex v Luqa SA
Mdina K v Marsaxlokk
Għaxaq bye