Waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret il-Ġimgħa fit-training ground ta’ Marsaxlokk FC, inħatar b’akklamazzjoni kumitat ġdid ta’ 11-il persuna għall-klabb Xlukkajr.
Il-Laqgħa Ġenerali, quddiem folla sabiħa ta’ madwar 50 persuna, tmexxiet mill-Viċi-President tal-MFA, l-avukat Chris Bonett, li spjega lill-membri ta’ Marsaxlokk FC li l-Member Status Committee tal-MFA, li ħa f’idejh il-klabb Xlukkajr wara li ma ġiex ippreżentat lill-MFA Kumitat skont ir-regoli tagħha sal-aħħar Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA, se jagħti parir lill-Kunsill tal-MFA biex jirrikonoxxi uffiċjalment lill-Kumitat il-ġdid bħala l-Kumitat tal-klabb.
Issa jibda perjodu ta’ xahrejn li fih il-Kumitat ta’ Marsaxlokk FC irid jippreżenta Statut ġdid u kontijiet approvati mill-membri lill-MFA, bil-għan li s-sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-klabb Xlukkajr fl-aħħar xhur ma terġax tirrepeti ruħha.
L-MFA hi sodisfatta ħafna bl-eżitu tal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja u temmen li dan jista’ jkun bidu ġdid għall-klabb li sa ftit aktar minn 10 snin ilu kien qed jiċċelebra r-rebħ tal-kampjonat Premier.
Madankollu, l-MFA, permezz tal-Member Status Committee, immexxi minn Dr. Bonett, se tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni f’Marsaxlokk bil-għan li l-Kumitat il-ġdid ikun jista’ jirnexxi fil-ħidma tiegħu biex b’hekk in-nies ta’ Marsaxlokk ikollhom klabb tal-futbol mibni fuq sisien sodi kif jixirqilhom.
Il-Kumitat il-ġdid elett hu dawn: Frank Cachia (President), Royin Grech (Viċi-President), Vincent Grech (Vici-President u Chairman tan-Nursery), Joseph Mifsud (Segretarju), Nikos Karamitsios (Teżorier), Cedric Baldacchino (Membru tal-Kunsill tal-MFA), Daniel Zerafa (PRO) u l-membri Frank Buhagiar, Adrian Baldacchino, Saviour Bonnici u Laurence Camilleri.
//= $special ?>

