L-MUT tistenna li l-Gvern jirrispetta l-istatus professjonali tal-edukaturi b’mod konkret u mhux jivvinta proċessi umiljanti
Il-Union Maltija tal-Għalliema ma taqbilx li l-edukaturi professjonali jiġu trattati bħala suspettati mal-ewwel darba u bil-bżonn li jipprovaw l-innoċenza tagħhom.
L-MUT qalet dan fir-rigward tal-White Paper pubblikata mill-Gvern li titratta proċeduri ġodda dwar il-mod ta’ kif jintgħażlu persuni għal xogħolijiet li fihomn ikollhom kuntatt ma’ minuri. Il-White Paper hija intitolata ‘Effective Recruitment and Selection Procedures for People Working with Minors’.
L-MUT qalet li filwaqt li taqbel ma’ proċeduri rigorużi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklutaġġ ta’ edukaturi li jaħdmu ma’ minuri, ma taqbilx ma’ proċeduri ġodda burokratiċi għall-edukaturi, f’sistema diġa mifnija b’regolamentazzjoni eċċessiva, filwaqt li mhux sew li l-edukaturi professjonali jiġu trattati bħallikieku huma suspettati mal-ewwel darba. L-MUT saħqet li dan mhux mod ta’ kif isiru l-affarijiet.
Fl-istqarrija tagħhom, il-Union tal-Għalliema qalet li tistenna li l-Gvern jirrispetta l-istatus professjonali tal-edukaturi b’mod konkret u mhux ivvinta proċessi umiljanti. Fl-istess ħin, il-Union issuġġeriet li l-liġi dwar ir-reġistru ta’ min jabbuża minuri għandu jkun iċċarat u ssimplifikat sabiex il-Qrati jkunu jistgħu jinfurmaw lil min iħaddem b’mod immedjat jekk ikun hemm xi impjegat li jiġi mniżżel fir-reġistru. L-MUT qalet li min iħaddem għandu jkollu aċċess għar-reġistru.
Intant, l-MUT saħqet ukoll li kwalunkwe screening għandu jsir fuq il-professjonisti kollha li jiġu f’kuntatt ma’ minuri fil-professjoni tagħhom, u mhux fuq għalliema biss.
//= $special ?>

