Wara l-intervista ma’ MaltaRightNow.com, tinġabar somma flus biex titħallas il-kirja ta’ xahar ta’ Manwel
Kienu bosta l-messaġġi ta’ solidarjetà li waslu mingħand diversi persuni wara l-intervista li ppubblika MaltaRightNow.com lbieraħ ma’ Manwel Calleja.
MaltaRightNow.com tista’ tikkonferma li kien hemm grupp ta’ persuni minn San Ġiljan li saħansitra ġabru somma flus biex iħallsu l-kirja ta’ xahar għal Calleja, biex hu ma jirriskjax li jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu.
“Qas irrid nemmen,” kienu l-uniċi kummenti li kien kapaċi jlissen Manwel Calleja eżatt meta wassalnielu l-flus li nġabru għalih. Għajnejn Calleja mtlew bid-dmugħ, u rringrazzja lil dawk kollha li qed jesprimu s-solidarjetà tagħhom miegħu f’dan il-mument tassew diffiċli għalih.
L-istorja ta’ dan ir-raġel – eksattivist tal-Partit Laburista li hu stess jistqarr li kien fanatiku għal-Labour – ħarġet fil-beraħ wara li l-Gvern ma weġibx għat-talba tiegħu li jieħu post mingħand l-Awtorità tad-Djar. Calleja qed jagħmel din it-talba għaliex spiċċa bi dħul ta’ €62 fil-ġimgħa wara inċident li kellu bil-karozza f’April, u għalhekk ma jistax ilaħħaq mal-kirja tal-post li għandu fix-Xgħajra. Jekk ma jinstablux post tal-Gvern, ir-raġel qed jirriskja li jispiċċa barra fit-triq.
Fl-ewwel intervista Calleja qalilna li hu stess mar il-Każin Laburista ta’ Ħaż-Żabbar fejn kellem lill-Ministru Joe Mizzi. Kiteb ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Iżda sab il-bibien kollha magħluqin, meta fil-verità din hija problema urġenti ħafna. Kien biss id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li tah widen.
Min-naħa tal-Gvern, kien biss issa, wara r-rapport tal-bieraħ f’dan il-ġurnal, li rċieva email mingħand id-Deputat Silvio Parnis. Calleja iżda kien urtat ferm għall-fatt li Parnis qabel kien injorah kompletament għal diversi ġranet, u kellmu biss meta l-istorja ħarġet fil-media.
Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li Manwel Calleja għadu qed jirkupra mill-inċident li kellu bil-karozza f’April. Għalhekk huwa ferm kruċjali għalih li jirkupra bil-mod u mingħajr inkwiet żejjed fuq problemi oħra li jistgħu jkunu ta’ detriment kbir għal saħħtu.
Ir-rakkont ta’ dan ir-raġel mhuwiex wieħed iżolat għaliex fl-aħħar jiem bosta kienu dawk li għamlu kuntatt ma’ dan il-ġurnal u tkellmu dwar il-mod kif il-Gvern mhux jagħti kas tat-talbiet tagħhom għal post tal-Housing.
//= $special ?>

