Kien il-ġurnal The Malta Independent li żvela il-każ t’espropjazzjoni mill-Gvern fiċ-Ċittadella f’Għawdex. Skont The Malta Independent, il-propjeta’ fi Triq it-Telgħa tal-Belt fir-Rabat Għawdex, skont periti indipendenti tiswa’ mhux iktar minn 280 elf Ewro. Iżda l-Gvern, f’Mejju li għadda, espropja din il-propjeta’ għal 460 elf Ewro
Filfatt, skont dak li ġie żvelat, wieħed mill-aħwa li wirtu d-dar kien Victor Vella Muscat li kien ġie appuntat Segretarju għal Għawdex minn Mintoff. It-tifel ta’ Victor Vella Muskat hu Keith Vella Muscat, li jaħdem fil-Ministeru t’Għawdex u li fl-2006 kien kandidat tal-Partit Laburista. The Malta Independent qalet li Keith Vella Muscat issemma wkoll għall-fatt li fl-aħħar sentejn, taħt il-Ministerjat ta’ Anton Refalo, kien wieħed mill-impjegati tal-Gvern li għamel xogħol fil-privat.
Fl-istorja ta’ The Malta Independent jingħad li għal din il-propjeta’, tħallset is-somma ta’ kważi ħames t’elef Ewro għal kull metru kwadru, meta propjetajiet ġirien ġew stmati li għandhom valur ta’ elfejn u erba mitt Ewro kull metru kwadru.
The Malta Independent qalet li periti indipendenti saħqu li l-valur ta’ din il-propjeta’ ma messu qatt tela’ għal dan l-ammont, u li l-Gvern, għal din il-propjeta’, ħallas iktar mill-valur tal-propjeta’ fis-suq.
Intant fi stqarrija bi dritt għar-risposta li bagħat lill-gazzetta The Malta Independent on Sunday, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-prezz imħallas għal din il-propjeta’ kien deal tajjeb.
Il-Ministeru ċaħad li l-valutazzjoni tal-propjeta’ kienet għolja wisq u qal li qabel l-espropjazzjoni mill-Gvern, il-propjeta’ kienet irreklamata għall-bejgħ bi prezz ta’ 512,000 Ewro.
Barraminhekk, il-valutazzjoni tal-propjeta’ saret mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Il-Ministeru qal li x-xiri tal-propjeta’ kien awtorizzat mid-Divizjoni tal-Ippjanar u l-Prioritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
//= $special ?>