Lokali

Aktar ilmenti dwar is-sistema l-ġdida tan-nollijiet tat-trasport pubbliku

Ikomplu deħlin iktar ilmenti dwar is-sistema l-ġdida tan-nollijiet tat-trasport pubbliku li daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Minbarra l-problemi varji li numru kbir ta’ passiġġieri qed iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba tal-linja card, issa jidher li l-biljett ta’ sagħtejn għandu kundizzjoni moħbija. Din hi li passiġġieri ma jistgħux jużaw dan il-biljett ta’ sagħtejn fuq l-istess rotta.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta tirrapporta li passiġġieri ħallsu 75 ċenteżmu biex jagħmlu vjaġġ tal-linja mill-Imsida sal-Belt Valletta. Suppost, dan il-biljett jibqa’ validu għal saghtejn u jkopri kwalunkwe vjaġġ, fi kwalunkwe parti tal-pajjiż, inkluż tibdil ta’ karozzi fuq rotot oħra.

Iżda hemm eċċezzjoni. Passiġġier ma jistax jerġa’ juża dan il-biljett biex jirkeb l-istess rotta, anki jekk fid-direzzjoni opposta.

Fi kliem sempliċi, minn ħallas 75 ċenteżmu biex mar mill-Imsida sal-Belt Valletta, ma jistax juża l-istess biljett għall-vjaġġ ta’ ritorn, anki jekk ikun dam inqas minn sagħtejn. Il-passiġġier ikollu jixtri biljett ieħor.

Sadanittant, għad fadal problemi dwar it-tqassim u t-top-up f’tal-linja card. Kelliem għal Malta Public Transport qal li kull min applika qabel it-tmiem ta’ Ġunju irċieva l-card. u min għadu ma rċeviehiex għaliex jew il-klijent ta indirizz ħażin jew inkella għax ġarrew lejn post ġdid.