Xufier tal-linja li kien qed jopera r-rotta 52 li telqet mill-Belt Valletta lejn Ħad-Dingli qatta’ mill-inqas kwarta jiġġieled ma’ passiġġier f’argument jaħraq li saħansitra żviluppa f’tgħajjir personali u politiku. Fost l-oħrajn ix-xufier, ta’ fehma Laburista, instema’ jgħajjar lin-Nazzjonalisti “ħallelin” u “korrotti” fost sensiela ta’ aġġettivi oħra.
Skont persuna li għadda l-filmat lil MaltaRightNow, il-każ seħħ nhar it-Tnejn 30 ta’ Ġunju waqt il-vjaġġ li telaq mill-Belt Valletta fid-21:00.
Kollox beda meta x-xufier kien qed jistenna l-ħin fit-terminus ta’ ħdejn ir-Roman Villa, fir-Rabat. Hawn telgħet koppja li bdew jilmentaw li ilhom ġimgħatejn li applikaw għal tallinja card imma din baqgħet ma waslitx u bdew iwaħħlu fil-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi għal din l-ineffiċjenza.
Fil-pront qabeż raġel ieħor li fakkarhom li issa jridu jibdew iħallsu kull sagħtejn. Kien hawn li x-xufier irrisponda u beda jargumenta u jaqbeż għall-Partit Laburista. L-argument baqa’ sejjer minkejja li x-xufier sarlu l-ħin u beda jsuq lejn Ħad-Dingli.
Kif jidher fil-filmat, ix-xufier kompla jirrisponda lura, xi kultant b’aġġettivi xejn sbieħ u jitkellem politikament minkejja li fuq il-post tax-xogħol tiegħu dan mhux permess. Għal xi mumenti, biex ikompli jargumenta, ix-xufier jidher ineħħi jdejh minn fuq l-isteering u xi kultant saħansitra jdur iħares lejn il-passiġġiera, minkejja li l-karozza tal-linja ma kinitx wieqfa.
L-argument wassal biex għal xi mumenti saħansitra anke’ passiġġiera oħra spiċċaw jitgħajjru bejniethom.
//= $special ?>

