Gaffarena jkompli jgawdi minn fuq dahar it-taxpayer. Wara li Mark Gaffarena stagħna b’iktar minn 1.6 miljun Ewro fi ftit ġimgħat minn fondi pubbliċi wara li l-Gvern espropja partijiet minn bini fi Triq Zekka, li Gaffarena xtara mingħand terzi bi prezz ferm inqas, issa jidher li l-Gvern mhux biss tah l-art bħala tpartit iżda din il-ġimgħa, kesa t-triq li tagħti għal din l-art.
Artiklu fil-gazzetta Sunday Times of Malta jiżvela kif f’dawn l-aħħar jiem, Transport Malta ksiet triq sekondarja fiż-żona tal-Ħandaq b’tul ta’ 400 metru li ma tinfed imkien ħlief lejn l-art ta’ Gaffarena. Mistoqsijiet li ntbagħtu lil Transport Malta baqgħu mingħajr tweġiba.
Dawn ix-xogħolijiet kienu melħ fuq il-ferita ta’ madwar 120 familja fil-periferija ta’ Ħal Qormi li ilhom jokorbu biex it-toroq tal-madwar ikunu rranħati, b’mod partikolari Triq Gharram, li tinfed fiż-żona industrijali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Iżda filwaqt li Transport Malta għamlet tabelli li se jsiru xogħolijiet fi Triq Gharram, minflok qdiet lil dawn il-familji, Transport Malta qdiet lil wieħed.
Sadanittant, Mark Gaffarena qed ikompli jhedded lil familja Cefai b’azzjoni legali jekk ma jersqux biex ibiegħu il-parti tagħhom fil-bini ta’ Triq Zekka fi ftit jiem. Dan permezz ta’ ittra mibgħuta mill-Avukat tiegħu Kenneth Bonnici ftit jiem biss wara li l-Qorti kienet ċaħdet mandat ta’ inibizzjoni mitlub minn Gaffarena biex jisforza l-bejgħ ta’ dan il-post.
Fil-Qorti, il-familja Cefai ressqet l-argument li Gaffarena beda jgħaġġel biex jagħlaq il-konvenju – li jiskadi f’Marzu tas-sena d-dieħla – wara li l-bejgħ u l-espropjazzjoni mill-Gvern kienu żvelati mill-gazzetti.
Il-familja Cefai qalet li qed iżżomm lura wkoll għaliex familja oħra li biegħet il-parti tagħha tal-bini lil Gaffarena bl-istess prezz tagħhom, jinsabu fil-mira ta’ investigazzjoni tat-taxxa għaliex id-Dipartiment tat-Taxxa iqis il-valutazzjoni tal-perit tal-Gvern bħala l-valur reali.
Dan ifisser li din il-familja tista’ tiffaċċja kont tat-taxxa li jkun ferm ikbar mill-ammont li ħallashom Gaffarena biex xtara biċċa mill-propjeta’.
//= $special ?>

