Il-Bank of Valletta, li fih il-Gvern hu l-akbar azzjonist u b’poteri li l-partijiet l-oħra ma għandhomx, qed jibqa’ jimbarazza lilu nnifsu milli jgħid il-verità u jwieġeb dwar kif wasal biex ifformula d-deal tinten ma’ Michael Falzon li hu parti mill-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Mument f’April li għadda kien żvela kif Michael Falzon kien ingħata early retirement ta’ eluf kbar ta’ ewro mill-Bank of Valletta. Wara rriżulta li l-early retirement kien jammonta għal xejn inqas minn €260,000 flimkien ma’ kundizzjonijiet vantaġġjużi oħra. Il-pakkett mogħti lil Michael Falzon iqanqal għadd ta’ mistoqsijiet dwar kemm-il Bank of Valletta mexa b’korrettezza f’dan il-każ.
Ipprovajna nistaqsu lill-Bank of Valletta biex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u kif wasal biex iffinalizza dan id-deal.
Lill-Bank of Valletta, fost l-oħrajn, staqsejnih:
Min għamel it-talba għall-early retirement?
Il-Bank of Valletta jew Michael Falzon?
Kemm-il ħaddiem ta’ 53 sena ngħata l-early retirement qabel Michael Falzon?
Kemm-il ħaddiem li ngħata early retirement għandu klawsola li jista’ jirritorna l- Bank?
Skont il-Bank, Michael Falzon irid iħallas lura l-flus pro rata jekk jirritorna l-Bank. Dan il-ftehim għandu terminu?
F’liema sena Michael Falzon ma jkollu jagħti lura xejn?
Fis-Segretarjat ta’ Michael Falzon hemm ħaddiema oħra tal-Bank of Valletta. Fl-ogħla pożizzjonijiet hemm Louis Gatt u Richard Dimech. Hemm ħaddiema oħra tal-Bank fis-Segretarjat ta’ Michael Falzon? B’liema kundizzjonijiet inħallew mill-BOV? F’kull każ x’kienu l-motivazzjonijiet?
Il-kumitat li rrakkomanda l-early retirement hu kompost miċ-Chairman u minn żewġ Diretturi, Deo Scerri u Joe Zrinzo. Ma tħossx li l-aħħar tnejn għandhom konflitt ta’ interess meta tqis li t-tnejn jagħmlu/għamlu xogħol fil-Partit Laburista meta tqis li Michael Falzon kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u mexxa għal snin twal l-uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista?
Fil-każ ta’ Joe Zrinzo ma tħossx li hemm konflitt akbar meta tqis li hu serva għal snin twal bħala Kap Distrettwali tal-Partit Laburista?
Kemm-il ħaddiem ingħata l-early retirement mill-Bank u wara reġa’ ġie ngaġġat bħala konsulent? Napprezza l-informazzjoni sena sena mill-2008 sa llum.
X’qatt qal il-Bank dwar l-iskema tal-early retirement? Napprezzaw kopja ta’ dak li ngħad dwar dan.
X’qal il-Bank dwar il-każ ta’ Michael Falzon? Napprezzaw kopja ta’ dak li ngħad dwar dan.
Għal dawn il-mistoqsijiet mill-Bank of Valletta rċevejna din ir-risposta xotta xotta:
“Il-Bank of Valletta ilu jħaddem Skema ta’ Irtirar Kmieni sa mill-2005. Filwaqt li l-Bank ma jistax jikkummenta fuq każi individwali, jista’ jgħid li l-iskema tippermetti li impjegati li għandhom ‘il fuq minn 50 sena jistgħu jitolbu biex jirtiraw kmieni għal diversi raġunijiet, fosthom raġunijiet ta’ saħħa, jew jekk jiġu appuntati għal xi kariga pubblika ta’ livell għoli.
“F’każ bħal dan, l-impjegat iżomm id-dritt li jerġa’ lura għall-impjieg tiegħu hekk kif tintemm il-kariga, iżda jkun obbligat li jħallas lura fuq bażi pro rata il-benefiċċju tal-irtirar li jkun irċieva. “F’dawn l-aħħar ħames snin 117-il impjegat għamlu użu minn din l-iskema.
“L-ammont ta’ benefiċċju li jitħallas mhux wieħed fiss, iżda ivarja skont is-salarju tal-impjegat u huwa marbut ma’ fatturi oħra, bħal ma huma l-età tal-impjegat, iż-żmien li jkun jonqsu biex jasal għall-età’ tal-irtirar, u n-numru ta’ snin ta’ servizz li jkun ta lill-Bank. Il-kundizzjonijiet ta’ irtirar kmieni huma, u dejjem kienu, fid-diskrezzjoni tal-management tal-Bank.”
Michael Falzon, l-eks Deputat Mexxej Laburista li llum jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, oriġinarjament kien iddiżappuntat ħafna li Joseph Muscat mar-rebħa tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 ma kienx inkludih fil-Kabinett tiegħu tal-Ministri, baqa’ ddiżappuntat meta f’April tas-sena l-oħra kien inkluż fil-Kabinett fit-taqlib li kien sar iżda kien inkluż biss bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Din il-ħatra għal Michael Falzon fissret li seta’ jibda jippjana biex idabbar rasu mill-Bank of Valletta fejn kien jokkupa l-kariga ta’ Executive Head u fejn kellu salarju li kien jammonta għal madwar €60,000 fis-sena.
Michael Falzon, li għandu 53 sena, ħadem biex jingħata l-early retirement li komplessivament meta maħduma tammonta għal eluf kbar ta’ ewro u tiġi ekwivalmenti għal madwar tlieta/erba’ snin salarju!
L-istess intenzjonijiet kienu applikati minn Richard Dimech li llum jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Michael Falzon. Richard Dimech ukoll kien impjegat mal-Bank of Valletta, għalkemm matul l-aħħar snin kien iservi fl-Uffiċċju tal-eks President ta’ Malta George Abela. Richard Dimech irriżenja mill-Bank of Valletta u ħa l-early retirement biex hekk hu wkoll daħħal bagatella ta’ ewro!
//= $special ?>

