L-40 anniversarju mill-kontroversja ta’ Dom Mintoff fil-konferenza ta’ Ħelsinki kienu mfakkra f’attività li fiha saru diskorsi mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u minn ewroparlamentari li anlalizzaw il-Konferenza ta’ Ħelsinki fl-isfond tar-realtà tal-lum. 40 sena ilu Dom Minitoff kien hedded li juża l-veto biex tawwal il-Konferenza ta’ Ħelsinki għaliex insista li tiddaħħal klawsola li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar il-pożizzjoni li kien ħa Mintoff u qal li fl-1975 Malta kienet argumentat sewwa li ma jistax ikun hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li minkejja dan, it-tattika ta’ Mintoff biex idaħħal din il-klawsola ma kinitx l-istil li hu jaqbel miegħu. Kien każ kif xi ħadd jirbaħ battalja iżda jitlef gwerra. Fil-fatt il-kapitlu dwar il-Mediterran fid-Dikjarazzjoni Finali kien injorat; stat li llum hu rifless fis-sitwazzjoni fil-Mediterran.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti fl-Ewropa u fil-Mediterran u qal li s-sitwazzjoni diffiċli tal-Greċja qed tpoġġi pressjonijiet fuq il-mudell Ewropew filwaqt li l-UE għadha qed tiffaċċja l-kriżi tal-qasma f’Ċipru. Dawn flimkien mal-problemi fil-Mediterran fosthom fil-Palestina u fis-Sirja fejn hemm madwar erba’ miljun persuna li kellhom jaħabru mis-Sirja. Is-sigurtà fil-Meditteran hi mxekkla wkoll mill-kriżi fil-Libja waqt li l-Ewropa għandha wloll il-kriżi fl-Ukrajina.
Filwaqt li esprima tama li r-Russja terġa’ tkun sieħeb stabbli għall-UE, Simon Busuttil identifika l-bidla fil-klima, it-terroriżmu u l-immigrazjoni irregolari bħala t-tliet sfidi ewlenin quddiem l-Ewropa bħalissa.
Għal dawn it-temi għamlet referenza għalihom l-Ewroparlamentari Roberta Metsola. Hi qalet li Malta qatt ma kellha u m’għandux ikollha rwol fil-periferija fis-sigurtà tal-Ewropa iżda għandha tkun il-pont ta’ paċi fejn ikun meħtieġ.
//= $special ?>

