Storja tal-ġurnalist Joe Mikallef fuq Il-Mument illum żvelat kif fir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul regolarment qed iseħħu abbużi mill-aktar serji fir-rigward ta’ anzjani li qed jispiċċaw vittmi ta’ swat u theddid verbali minn persuni li suppost qed jikkuraw u jieħdu ħsieb lill-anzjani.
Sorsi li tkellmu b’kunfidenzjalità ma’ Il-Mument filwaqt li għamluha ċara l-ewwelnett li ftit huma dawk l-impjegati li qed jabbużaw lill-anzjani u bi ftit sforz dawn it-tali persuni jistgħu jkunu identifikati, komplew li l-parti l-kbira ħafna tal-ħaddiema – health assistants u nursing aids – huma nies tal-affari tagħhom, serji u dedikati fix-xogħol tagħhom.
Fl-aħħar ġimgħat fir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul kienu osservati diversi każi ta’ abbuż fuq anzjani f’diversi swali fejn anzjani spiċċaw fil-mira ta’ abbuż mhux biss fiżiku imma anki verbali u dan meta l-kundizzjoni ta’ saħħet l-anzjani konċernati hi waħda tali li dawn ma jistgħux iwieġbu lura. Il-Mument żvelat ukoll kif għandha fil-pussess tiegħha lista b’numru ta’ ismijiet ta’ impjegati li allegatament f’xi waqt jew ieħor abbuża minn anzjani kemm irġiel kif ukoll nisa. Il-problema ta’ dawn l-anzjani hi li saħansitra ma jistgħux jirrapportaw dawn l-abbużi minħabba li fl-aħħar mill-aħħar iridu minn dawn l-impjegati.
Dwar din is-sitwazzjoni preokkupanti Il-Mument tkellmet ma’ Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister dwar il-Politika Soċjali, li fissret li lilha waslulha diversi rapporti preokkupanti dwar dan l-allegat abbuż f’din ir-Residenza. Hi qalet li fost l-oħrajn irċeviet saħansitra ittra anonima li kienet tinformaha dwar abbużi li qed isiru f’din ir-Residenza u ħasset li quddiem il-fatti li hi rnexxielha tiġbor matul dawn il-ġimgħat li għaddew flimkien mal-fatt ta’ rapporti żvelati fil-media, ħasset li għandha titkellem u mhux tibqa’ siekta kif qiegħed jagħmel il-Gvern li qed jabdika mir-responsabbiltà tiegħu quddiem din is-sitwazzjoni li qed temerġi. Paula Mifsud Bonnici kompliet li hu imperattiv li l-Gvern, illum qabel għada, jibda jaġixxi bis-serjetà u jieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jekk dan l-abbuż jirriżultalu, allura jieħu l-passi kollha li hemm bżonn biex dak li qiegħed allegatament jiġri u jikkrea biża’ fost l-anzjani, jitwaqqaf minnufih. Il-Gvern, kompliet Paula Mifsud Bonnici, għandu immedjatament joħloq strateġija sħiħa ta’ kif se jassigura li l-anzjani kollha – huma f’liema residenza huma sia tal-Gvern u anki tal-privat – ikunu mħarsa bis-serjetà. Il-Gvern għandu jippubblika minnufih l-istandards minimi nazzjonali għad-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk tal-Gvern, għaliex dan il-Gvern sa issa baqa’ jkaxkar saqajh dwar din il-kwistjoni.
Dan l-aħħar fir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul kienu rappurtati żewġ każi ta’ abbuż – wieħed dak li seħħ fil-Psychogeriatric Ward Men u l-ieħor li seħħ fis-Sala St. Joseph Ward 3.
Fir-rigward tal-ewwel każ irriżulta li l-awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul bdew jinvestigaw każ li fih qed jiġi allegat li qraba ta’ residenti qabdu wieħed mill-impjegati tas-sala jsawwat anzjan fil-Psychogeriatric Ward Men.