Internazzjonali

Il-Papa jikkonkludi l-mawra fl-Amerika Latina

Il-Papa Franġisku, illum, iċċelebra quddiesa kbira f’għalqa tropikali barra Asuncion, il-kapitali tal-Paragwaj, qabel ikkonkluda l-mawra tal-aħħar jiem fl-Amerika Latina.

Fl-aħħar jiem spikkaw id-diskorsi tal-Papa bil-messaġġi ta’ kuraġġ, faraġ, tiġdid u rikonċiljazzjoni waqt iż-żjarat rispettivi li hu għamel f’dan il-pajjiż kif ukoll fl-Ekwador u l-Bolivja.

Qabel għalaq il-programm f’Asuncion, li kien jinkludi laqgħa maż-żgħażagħ, il-Kap tal-Kattoliċi kien radd ħajr lin-nisa u lill-ommijiet tal-Paragwaj waqt quddiesa oħra li ċċelebra fis-Santwarju ta’ Caacupe, li hu l-akbar sit għall-pellegrinaġġi fil-pajjiż.

Ħafna mill-irġiel tal-Paragwaj kienu mietu fi gwerra devastanti kontra l-Brażil, l-Arġentina u l-Urugwaj li damet għaddej mill-1865 u l-1870. Intant, il-Papa faħħar lin-nisa Paragweni ‘li kienu kapaċi jerġgħu jibnu pajjiżhom mill-qerda tal-gwerra’.

Mijiet ta’ eluf ta’ devoti attendew il-quddies f’Caacupe, bil-Papa jgħidilhom li din kienet okkażjoni li timlih bl-emozzjoni għaliex hu kien iżur ħafna lil din il-belt partikolari qabel laħaq Kap tal-Kattoliċi.

Il-belt ta’ Caacupe hi meqjusa bħala l-kapitali spiritwali tal-Paragwaj u waqt il-quddiesa il-Papa talab bil-Gwarani li hi l-lingwa indiġena li jitkellmu l-maġġoranza tal-Paragweni.

L-Ordni tal-Ġiżwiti, li tagħha l-Papa Franġisku huwa membru, kienet evanġelizzat ir-reġjun wara l-1600.

Intant, il-Papa mill-ġdid fakkar lill-folol imdaqqsa ta’ Caacupe u Asuncion li ‘huma lkoll aħwa’, waqt li kompla jitratta t-temi tal-faqar u l-inugwaljanza.