Internazzjonali Unjoni Ewropea

Illum ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-Greċja iżda s-summit Ewropew jiġi mħassar

Tħassar is-summit li kellu jsir illum għall-membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-Ewropa għadha qed tistenna l-ewwel ħjiel ta’ deċiżjoni konkreta dwar il-kriżi tal-Greċja li issa avviċinat fażi kruċjali.

Sadanittant il-Ministri tal-Finanzi taz-zona Ewro qed ikomplu bit-taħditiet dwar it-tielet bailout għall-Greċja li huma diffikultużi għall-aħħar u wara li t-taħditiet kienu aġġornati matul il-lejl.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li l-laqgħa tal-Mexxejja tal-Eurogroup għandha tkompli sakemm jikkonkludu t-taħditiet dwar il-Greċja li tista’ tispiċċa bħala membru taz-zona Ewro jekk ma jintlaħaqx ftehim.

Osservaturi fi Brussell, fl-istess ħin, qalu li ftit kienu l-okkażjonijiet meta l-laqgħat tal-Unjoni Ewropea tħassru daqshekk malajr u b’daqshekk ftit dettalji. Dan wara li t-taħditiet maratona ta’ nhar is-Sibt dwar il-Greċja intemmu mingħajr ftehim, bil-Kap tal-Eurogroup, Jeroen Dijsselbloem, jirrimarka dwar kemm huma diffiċli dawn in-negozjati.

Il-Ministru tal-Finanzi Grieg, Euclid Tsakalotos, bħalissa qed jattendi t-taħditiet fi Brussell fejn qed jipprova jikkonvinċi lill-kollegi Ewropew li jafdaw lill-Gvern tiegħu rigward il-pjan għal riforma ekonomika li hu jeħtieġ li jimplimenta.