L-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil tinsab kommessa li twettaq bidla bl-għeruq u x-xniexel fil-politika Maltija, bidla li tant hi meħtieġa u bżonnjuża fid-dawl tal-ħmieġ u l-iskandli li ddominaw lill-Gvern Laburista. L-Oppożizzjoni tinsab kommessa li tatwa politika nadifa biex f’pajjiżna jkun hawn standards għoljin għall-politiċi, jkun hawn standards ta’ kif jintgħażlu n-nies fil-karigi pubbliċi, jkun hawn istituzzjonijiet li jirrispettaw l-indipendenza tagħhom, kif ukoll li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin iħossu, jkun xi jkun il-kulur politiku tagħhom, li jistgħu jmorru għand il-Gvern u dak li hu dritt tagħhom, jeħduh.
Waqt intervent telefoniku fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ma’ dan il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, biex tasal trid tkun Gaffarena. Dan qalu b’referenza għal dak li ġie żvelat minn The Sunday Times, jiġifieri li l-Gvern għamel triq bil-konkrit għall-artijiet li ngħata Gaffarena mill-Gvern fl-iskandlu ta’ Strada Zekka. Dan ifisser li Gaffarena mhux talli ngħata €500,000 cash mill-Gvern u għadd ta’ artijiet, għal nofs binja fil-Belt, iżda issa, anke wara li ġie żvelat dan l-iskandlu, l-Gvern għamillu triq bil-konkrit. “In-nies f’Ħal Qormi ilhom jittallbu biex isirulhom it-toroq u ma jsirux, u lil Gaffarena, għax Gaffarena, il-Gvern diġà għamillu t-triq,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-iskandlu ta’ Gaffarena kien involut is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li l-ewwel siefer ma’ Gaffarena, imbagħad iltaqa’ miegħu f’Kastilja fejn iddiskutew dan id-deal, bagħtlu uffiċjal tiegħu fis-Segretarjat ma’ Gaffarena l-Lands, u fl-aħħar, kien l-istess Michael Falzon li ffirma ż-żewġ deals jintnu b’riħa ta’ korruzzjoni. Simon Busuttil staqsa x’qed jistenna Michael Falzon biex jirriżenja, jew il-Prim Ministru Joseph Muscat biex ikeċċieh. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Michael Falzon, flok irriżenja, din il-ġimgħa mar fil-Parlament jiproponi liġi li ddgħajjef il-protezzjoni tal-ambjent f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-BOV għandha tagħti spjegazzjoni lix-shareholders u lill-pubbliku Malti u Għawdxi dwar x’kienet ir-raġuni wara l-early termination benefit ta’ €260,000 li ngħata Michael Falzon. Hu qal li min ħa din id-deċiżjoni, għandu jerfa’ r-responsabbiltà, u jagħti spjegazzjoni lil ħafna shareholders tal-BOV li qed jistaqsu x’inhu jiġri fil-BOV. “Il-BOV irid jirrealizza li mhuwiex bank tal-Partit Laburista, jew tal-Gvern Laburista, imma huwa bank li jrid jagħti rendikont lix-shareholders tiegħu,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar dak li ġara fil-Parlament din il-ġimgħa, fejn il-Gvern kompla jirrombla minn fuq il-poplu Malti u l-għaqdiet ambjentali b’deċiżjonijiet li jmorru kontra l-protezzjoni tal-ambjent. “Vot li seta’ sar f’5 minuti, tawwalnieh għal 3 siegħat, biex nibgħatu messaġġ ċar li hemm xi ħaġa fundamentalment ħażina fil-mod ta’ kif qed jagħmel l-affarijiet dan il-Gvern, b’mod speċjali fl-ambjent,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tuża l-għodda kollha Parlamentari biex tieqaf għal dak li hu sewwa, u biex tkompli tagħti vuċi lill-għaqdiet ambjentali. Huwa ċar li l-Gvern qed jara l-ambjent bħala ostaklu għax iżżommu lura milli jkun jista’ jagħmel li jrid. Hu rrepeta dak li qal fil-Parlament din il-ġimgħa, jiġifieri li l-aħħar darba li l-Gvern Malti kellu kontroll assolut tal-ippjanar f’pajjiżna kien fi żmien Dom Mintoff u Lorry Sant, perjodu, li kif kulħadd jaf, kien hawn korruzzjoni sfrenata fl-artijiet u l-ippjanar f’pajjiżna.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja, fejn appella lill-Prim Ministru Malti biex iħares l-interess nazzjonali ta’ Malta, b’mod speċjali biex il-flus li Malta selfet lill-Greċja ma jintilfux minħabba l-politika irresponsabbli tal-Gvern Grieg. Hu spjega kif il-Greċja spiċċat f’din is-sitwazzjoni minħabba l-populiżmu tal-Prim Ministru, li l-ewwel wiegħed kollox lil kulħadd biex rebaħ l-elezzjoni, u issa spiċċa f’din is-sitwazzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab fi triqtu lejn iċ-Ċina fejn qed imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Din hi t-tieni żjara f’anqas minn sena li saret permezz ta’ stedina importanti. Is-sena li għaddiet, il-Gvern Amerikan stieden lil Simon Busuttil għal laqgħat fi New York u Washington, u din is-sena sejjer iċ-Ċina għal-laqgħat mal-Gvern Ċiniż. Filwaqt li nsista li r-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina għandha tkun mibnija fuq it-trasparenza u l-onestà, hu sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed ikun Oppożizzjoni effettiva, iżda anke Gvern alternattiv.
//= $special ?>

