Ambjent Lokali

Is-soċjeta’ ċivili tkompli tisħaq fuq il-bżonn ta’ konsultazzjoni serja dwar is-separazzjoni tal-MEPA

Is-soċjeta’ ċivili qed tisħaq li ssir konsultazzjoni serja dwar it-tliet abbozzi ta’ liġijiet dwar is-separazzjoni tal-MEPA.

Dan billi l-abbozzi jkunu diskussi fil-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u mhux imressqa biex ikunu approvati ta’ malajr qabel il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf.

Il-biża’ komuni hi li s-separazzjoni tal-MEPA se twassal għal lok akbar għall-korruzzjoni, u li l-ambjent mhux se jkun priorita’.

Dan joħrġ mir-reazzjonijiet li Il-Mument ħadet lil numru ta’ ambjentalisti u li lkoll qablu li din il-mossa tal-Gvern se twassal għal iktar qerda tal-ambjent għaliex issa l-ambjent u l-ippjanar, li jikkumplimentaw lil xulxin, se jiġu separati.

Analiżi simili mill-Illum, li tikkwota l-kritika tal-ambjentalisti u l-Oppożizzjoni għal din id-deċiżjoni minn Gvern li suppost kellu jkun Gvern li jipproteġi l-ambjent u li kellu jwaqqaf l-abbużi u sfreġju ambjentali.

Anke’ The Times of Malta on Sunday ħadet reazzjonijiet oħra dwar dan is-suġġett, fejn ambjentalisti differenti li tkellmu ma’ The Times qalu li dan se jwassal għal żminijiet iebsa fejn jidħol l-ambjent.

Imma filwaqt li dwar dan is-suġġett il-ġurnali lokali kellhom messaġġ komuni, il-gazzetta tal-Partit Laburista, il-KullĦadd, kellha verżjoni għal kollox opposta u minflok nfexxet f’attakk lejn il-Partit Nazzjonalista, li wera’ t-tħassib tiegħu u vvota kontra dawn l-abbozzi propju biex jissalvagwardja l-ambjent.