Lokali

Minkejja l-kritika ħarxa fil-konfront tal-gvern Joseph Muscat jgħid li hi l-oppożizzjoni li qed tivvota kontra l-ambjent

Minkejja l-kritika ħarxa għall-aġir tal-Gvern għall-iSPED u l-mod kif se tinqasam il-MEPA, partikolarment mill-għaqdiet ambjentali, il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li hi l-Oppożizzjoni li qed tivvota kontra l-ambjent u x-xewqa tal-NGO’s

Joseph Muscat qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista. Hu kompla li l-Gvern għandu mandat elettorali biex jaqsam id-direttorat tal-ambjent minn mal-MEPA. Rigward il-kritika li l-Gvern qed jgħaddi romblu minn fuq kulħadd biex jgħaddi t-tliet liġijiet qabel il-Parlament jaġġorna għas-Sajf, il-PM qal li l-Gvern se jibqa’ għaddej sal-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament iżda l-għaqdiet se jkollhom ċans isemmgħu leħinhom fi stadju ta’ kumitat.

Dwar it-taħdidiet fuq il-kriżi tal-Greċja, Muscat qal li l-pożizzjoni ta’ Malta hi favur li tinstab soluzzjoni iżda mhux akkost ta’ kollox. Min-naħa l-oħra Malta se tinsisti li l-Gvern Grieg iwettaq dak li hu meħtieġ u assolutament ma taqbilx li d-dejn jinħafer.

Muscat tkellem ukoll dwar investiment u qal li għada se jkun iffirmat ftehim ma’ kumpanija Ċiniza Huawei li se tiftaħ uffiċċju fi Smart City u li minn hemm se tibda testing fuq is-sistema 5G. Dan l-iffirmar sar grazzi għall-ħidma ta’ Sai Mizzi, qal il-Prim Ministru.