Internazzjonali

Pass ieħor lejn paċi eventwali fil-Libja

Diversi rappreżentanti tan-naħat ġellieda tal-Libja ltaqgħu fil-Marokk fejn iffirmaw ftehim inizjali biex jiffurmaw Gvern għall-għaqda f’pajjiżhom. Madankollu ma ħadux sehem fl-iffirmar ir-rappreżentanti tal-Kungress Ġenerali Nazzjonali, li hu l-Parlament li jikkontrolla Tripli.

Fost dawk li ffirmaw kien hemm id-delegati tal-Parlament Libjan elett li hu bbażat fil-Lvant tal-Libja, flimkien ma’ rappreżentanti mill-muniċipalitajiet fi Tripli u l-belt ta’ Misrata. Sadanittant, il-gruppi għad iridu jaqblu dwar id-dettalji.

In-negozjati dwar il-Libja huma sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti li temmen li t-taħditiet huma l-uniku mezz biex jieqaf il-ġlied fost il-gruppi armati alleati maż-żewġ gvernijiet u l-Parlamenti rivali Libjani. Għaldaqstant, in-Nazzjonijiet Uniti kienet stiednet lir-rappreżentanti tal-entitajiet Libjani rivali lejn Skhirat, fil-Marokk, bl-iskop li jiffirmaw il-ftehim inizjali għall-qsim tal-poter.

Ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Bernardino Leon, qal li ftehim għandu jfisser pass importanti ‘fit-triq lejn il-paċi’ fil-Libja u li l-bibien se jibqgħu miftuħin għal dawk li għażlu li ma jmorrux fi Skhirat.

Daqs sena ilu, Alleanza armata magħrufa bħala Żerniq Libjan kienet ħadet il-kontroll ta’ Tripli u ddikjarat il-Gvern u l-Parlament tagħha wara li keċċiet il-Prim Ministru Libjan li kellu l-għarfien internazzjonali.

Il-pjan għal-Libja jesiġi gvern ta’ kunsens nazzjonali għal sena, fejn kunsill tal-ministri, immexxi minn Prim Ministru u żewġ deputati, ikollu awtorità eżekuttiva. Taħt dan il-pjan, li qed jopponi għalih il-Parlament fi Tripli, il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha sservi bħala l-entità leġislattiva tal-Libja.