Numru ta’ sidien ta’ ħwienet fl-aħħar ġimgħat sfaw vittmi ta’ frodist barrani li qed idur il-ħwienet u stabbilimenti, jisraq oġġetti imma wkoll iqarraq bil-ħaddiema biex joħroġ b’iktar flus milli jkun daħal bihom fil-ħwienet.
Wara li dan is-sit fl-aħħar jiem ippublika filmat tar-raġel f’ħanut tal-fwieħa f’Raħal il-Ġdid, minn fejn ħareġ bi flixkun tal-fwieħa li rnexxielu jisraq, kif ukoll €50 fi flus kontanti, komplew jaslulna iktar rapporti dwar l-istess persuna.
Fost l-oħrajn sid ta’ numru ta’ ħwienet f’Baystreet, San Ġiljan, spjegalna li r-raġel qarraq bil-ħaddiema tiegħu fi tliet ħwienet tiegħu u fi tliet ġranet differenti.
Jirriżulta li r-raġel qed iħallas b’karti tal-flus b’valuri kbar, ħafna drabi tal-€100, għal oġġetti li jiswew €5. Hekk kif jingħata mazz karti bi bqija ta’ €95, ir-raġel idur għal ftit ħin ieħor mal-ħanut u wara taparsi jinduna li fil-verita’ kellu €5.
Malli r-raġel joħroġ il-karta tal-€5, hu jmur mill-ġdid għand il-ħaddiema tal-ħanut u jitlobhom lura l-€100 biex minflok itihom il-€5. Malli l-ħaddiema jaċċettaw, ir-raġel jipproduċi mill-ġdid il-mazz tal-bqija li jkun ingħata qabel, imma f’leħħa ta’ berqa jneħħi ammont minnhom, ħafna drabi b’valur ta’ bejn €30 jew €50.
Meta l-ħaddiema jindunaw b’dak li jkun seħħ, ħafna drabi jkun tard wisq għaliex ir-raġel ikun ħalla l-ħanut. Filfatt f’ħafna mill-każi, is-sidien indunaw b’dak li seħħ meta filgħaxija ma qablux bejn il-bejgħ u l-flus fil-cash register.
//= $special ?>

