Lokali

Simon Busuttil iħalli Malta għal żjara uffiċjali fiċ-Ċina

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil ħalla Malta flimkien ma’ delegazzjoni tal-PN għal żjara uffiċjali fiċ-Ċina fuq stedina tal-Gvern Ċiniż.

Fiċ-Ċina, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se jkollha laqgħat strateġiċi ma’ rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż f’Beijing u f’Shanghai. Id-delegazzjoni se tiltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ intrapriżi u rappreżentanti tal-industrija b’interessi kummerċjali f’Malta.

Dwar din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista għadu jemmen li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom jibqgħu jissaħħu, filwaqt li jinsisti li l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi tkun mibnija fuq l-onestà, it-trasparenza u r-rispett reċiproku bejn iż-żewġ naħat.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’din iz-zjara se jkun hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio u l-Head of Office tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Matthew Gatt.

Sadanittant, il-gazzetta The Malta Independent on Sunday tikkwota sorsi li jgħidu li Simon Busuttil se jiltaqa’ ma’ Sai Mizzi, mart il-Ministru Konrad Mizzi u li nħatret bhala mibgħut speċjali għall-investiment miċ-Ċina.