Lokali

Uffiċjal tal-Ħabs jibda jkun investigat dwar priġunier Malti li ssawwat minn tliet priġunieri Għarab

Rapport esklussiv li kien pubblikat fis-sit elettroniku MaltaRightNow.com il-Ħadd, 14 ta’ Ġunju li għadda wassal biex l-ogħla awtoritajiet tal-Ħabs skattaw investigazzjoni dwar kif f’April li għadda tlett priġunieri Għarab taw xebgħa lil priġunier Malti wara li daħħluh f’shower.

Dak l-inċident immatura wara li allegatament Uffiċjal tal-Ħabs qabbadhom biex jagħmlu dan wara li l-priġunier Malti – li għandu problema serja tad-droga – preċedentement kien seraq lil ommu u ħadilha l-basket li kellha f’idha.

Sorsi infurmati tajjeb qalu lil MaltaRightNow.com li r-rapport pubblikat wassal biex immedjatament l-ogħla awtoritajiet tal-Ħabs jibdew jindagaw dak li kien rapportat u fil-fatt kien identifikat l-uffiċjal tal-Ħabs involut f’dan l-allegat inċident serju ħafna.

Fuq kollox l-awtoritajiet tal-Ħabs ħassew li kellhom mill-ewwel jibdew jinvestigaw dan il-każ biex ħadd ma jinterpreta li kellhom xi interess jgħattu dak li ġara. L-investigazzjonijiet li qed jagħmlu l-ogħla awtoritajiet tal-Ħabs għandhom l-iskop li jwasslu biex ikunu stabbiliti l-fatti li wasslu għal dan l-inċident gravi.

Oriġinarjament ir-rapport pubblikat minn MaltaRightNow.com – grazzi għal tagħrif kunfidenzjali li twasslilna – kien jiffoka fuq kif Uffiċjal tal-Ħabs – li lilna għaddewlna ismu – qabbad tlett priġunieri Għarab biex isawtu priġunier Malti għal skop ta’ tpattija.

Il-priġunier Malti li qala’ x-xebgħa hu Charles Farrugia ta’ 32 sena. Dan il-priġunier Malti għandu problema serja ħafna ta’ droga, ma jaħdimx u għalhekk, meta jkun ħieles mill-Ħabs, ikollu ġeneralment jisraq biex imantni l-vizzju tad-droga.

Jirriżulta li waħda mill-vittmi ta’ dan il-priġunier kienet omm dan l-Uffiċjal tal-Ħabs meta darba minnhom kienet attakkata minnu u serqilha l-basket li kienet qed iġġorr. Fil-fatt l-attentat li kien għamel Charles Farrugia kien suċċess għaliex kien irnexxielu jisraqha. Naturalment dakinhar li wettaq dan l-attakk fuq din l-azjana, dan il-priġunier ma kienx jaf li dik l-anzjana partikulari kienet omm Uffiċjal imlaħħaq fil-Ħabs.

Sussegwentement Charles Farrugia kien inqabad mill-Pulizija u kien tressaq il-Qorti akkużat b’madwar erbgħin kap ta’ akkuża, fosthom numru ta’ serqiet vjolenti fuq anzjani f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom f’Ħal Tarxien, Santa Luċija, l-Imqabba, Raħal Ġdid, iż-Żurrieq, Ħal Luqa, il-Gudja u Ħal Għaxaq bejn is-7 u l-10 ta’ April.