Surġent tal-Pulizija sofra ġrieħi f’rasu wara li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa u nofs, il-Pulizija ġiet imsejħa fi kiosk fi Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar għaliex kien hemm bżonn l-assistenza tagħha, peressli kien hemm raġel li kien qieghed jagħmel xi storbju.
Hekk kif il-Pulizija waslu fuq il-post ġew infurmati li kien hemm persuna aktarx fis-sakra u li seta’ kien ta’ periklu għan-nies. Meta l-Pulizija ppruvaw jkellmu lil dan ir-raġel, huwa ma kkoperax u peress li l-persuna kienet qiegħda tkun ta’ periklu, huma ppruvaw joħduh magħhom l-Għassa. Ir-raġel beda jirreżisti b’mod agressiv lill-Pulizija u kien biss wara diversi sforzi mill-Pulizija li huwa ġie meħud fil-vettura tas-servizz sabiex jittieħed l-Għassa.
Kien f’dan il-mument li r-raġel – Ukren ta’ 41 sena residenti San Pawl il-Baħar stess prova jagħti daqqa ta’ ras lil Kuntistabbli tal-Pulizija. Kif ra hekk is-Surġent assista lill-kollega tiegħu, iżda l-Ukren irnexxielu jagħtih daqqa ta’ sieq f’rasu.
Is-Surġent mar fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Mosta sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall kura meħtieġa.
Il-Pulizija mistennija tressaq lil-Ukren il-Qorti fil-jiem li ġejjien.
Fi Stqarrija b’reazzjoni għal dan, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea, waqt li kkundannat bla riservi dak li ġara, qalet li l-Kunsill se jkompli jiġġieled biex tissaħħaħ is-sigurta’ fil-lokalita’.
Is-Sindku appellat lill-Gvern Ċentrali biex iżid il-Pulizija fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar biex b’hekk ir-residenti u dawk kollha li jiġu fil-lokalita jħossuhom protetti.
L-assoċjazzjoni tal-Pulizija wkoll kkundannat dan l-inċident, u qalet li dawn l-affarijiet huma inaċċettabbli u li dawn l-affarijiet qed isiru wisq ta’ spiss minħabba li l-Qorti mhux qed tkun ta’ deterrent biżżejjed biex dawn l-affarijiet ma jsirux.
//= $special ?>

