Futbol Sport

Cohen se jiffirma kuntratt ta’ tliet snin

Ma jiddispjaċinix li ġejna kontra Maccabi TA – Branco Nisevic (kowċ Hibernians)

Għada fit-8 p.m. jmiss liċ-Champions lokali Hibernians li jidħlu fl-azzjoni fl-Ewropa dan l-istaġun meta jilqgħu lil Maccabi Tel Aviv Champions ta’ Iżrael fl-ewwel leg mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.

Hibernians ilhom xahar jippreparaw għal din il-partita bi skwadra kompluta u kważi identika għal dik tal-istaġun li għadda fejn l-uniku nuqqas huma l-gowlkiper Henry Bonello li sieħeb lil Valletta u Tarabai.

Il-kowċ ta’ Hibernians Branco Nisevic fl-indirizz tiegħu lejlet il-partita qal li ma jiddispjaċihx li telgħu ma’ Maccabi Tel Aviv, tim meqjus aħjar minn Hibernians u bi storja kbira f’Iżrael tant li fl-aħħar tliet staġuni rebaħ kull unur f’pajjiżu.
“Meta tilgħab kontra tim aħjar minnek ikollok iċ-ċans li ssir plejer aħjar u kowċ aħjar. Hu minn dawn il-partiti li wieħed jista’ jitgħallem.

“Mill-istaġun li għadda għandi prattikament l-istess skwadra. Tlifna l-gowlkiper Bonello imma għandna lil Jurgen Borg, Matthew Towns u Rudi Briffa li jien kuntent bihom. Għadna madankollu nistennew li nsibu l-plejer idejali li jieħu post Tarabai. Veru ġibna lil Gilmar u Jorge Santos Silva imma Gilmar ilu jittrenja magħna ħmistax u forsi jkollu parti fil-logħba waqt li Jorge beda magħna erbat’ijiem ilu u żgur li hu barra għal din il-partita.”

Mistoqsi dwar Denni Rocha Dos Santos, Nisevic qal li dan għadu mhux plejer ta’ Hibernians u ma jista’ jgħid xejn fuqu għalissa waqt li reġa’ kkonferma li Andrei Agius għażel li jibqa’ ma’ Hibernians minkejja l-offerti mir-Rumanija u Clayton Failla għadu ma’ Hibernians għaliex s’issa ma kienx hemm kuntatt uffiċjali bejn il-klabb Taljan u Hibernians u l-kuntatti saru biss mal-plejer.

Il-kowċ taċ-Champions qal ukoll li sfortunatament l-uniku plejer nieqes hu Jean Paul Farrugia li għadu qed iġorr injury li sofra lejn tmiem l-istaġun li għadda waqt li lmenta wkoll minn nuqqas ta’ partiti qabel din il-logħba.

“Il-preparazzjoni tagħna kienet tajba imma sfortunatament lgħabna biss logħba waħda ta’ ħbiberija għaliex ma kellniex ċans anke minħabba li t-tim nazzjonali lagħab ukoll f’Ġunju u kellna l-plejers tan-nazzjonal li ridna ntuhom ftit mistrieħ.”
Nisevic ma riedx jiżvela l-pjan li se jadotta għal din il-logħba u wisq anqas il-formazzjoni li se jibda biha imma dwar l-avversarji qal.

“Rajt madwar 10 partiti tagħhom tal-istaġun li għadda. Hu tim li jilgħab l-istess stil tagħna. Jilgħab logħba stil Spanjol b’ħafna pussess u jħobb jiddomina. L-istess stil li konna nilagħbu bih aħna l-istaġun li għadda. Għandhom plejers b’esperjenza fi Franza, Spanja u l-Ingilterra imma l-importanti li noħorġu b’riżultat pożittiv. Issa x’inhu pożittiv? Rebħa, draw? L-għażliet kollha huma miftuħa u ninsab ċert li fiżikament se nkunu qed nikkompetu tajjeb,” ikkonkluda Nisevic.

Kuntratt ġdid

Tkellem ukoll il-captain Andrew Cohen li mistenni jkun l-attrazzjoni tal-media Iżraeljana minħabba l-kunjom li jġorr. Cohen qal li għaddew minn partiti diffiċli u għandhom biżżejjed esperjenza biex ma jħallux il-qawwa tal-avversarji tinfluwenzahom.

Mistoqsi dwar fejn jinsab il-futur tiegħu u jekk hux minnu li kien se jitlaq lil Hibernians għal klabb ieħor, Cohen wieġeb.
Għadni kif tkellimt mal-President Tony Bezzina li offrieli kuntratt ieħor ta’ tliet snin u issa jonqosni biss li niffirmah,” qal il-midfielder internazzjonali Malti.

Cohen lanqas ma eskluda li fil-futur jista’ jifforma parti mill-istaff tekniku ta’ Hibernians u qal li diġà beda jagħmel il-korsijiet tal-kowċing ħalli meta jirtira bħala plejer ikun lest għal karriera oħra.