Edukazzjoni Lokali Parlament

Il-Gvern kontra li l-Oppożizzjoni tipparteċipa fit-twaqqif tal-Istitut għall-Edukazzjoni

Se jitbiddel Avviż Legali wara l-proposta tal-Oppożizzjoni favur rappreżentant kull wieħed għall-iskejjel privati u tal-Knisja li issa jaqbel magħha wkoll il-Gvern…sintomu ta’ Gvern li ma jikkonsultax u li qed jimxi bil-politika tal-biċċiet

Il-Gvern ma jaqbilx li l-Oppożizzjoni tagħti s-sehem tagħha billi tkun rappreżentata b’membru nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, fuq il-Bord għall-Istitut tal-Edukazzjoni.

Dan iddikjarah fil-Parlament il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, meta llejla bdiet id-diskussjoni fuq mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fiha l-Gvern qed jiġi mitlub jemenda l-Avviż Legali Nru 140 tal-2015 li jipprovdi għat-Twaqqif tal-Istitut għall-Edukazzjoni.

L-Oppożizzjoni, permezz tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, flimkien mad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, qed jitolbu lill-Gvern jemenda l-Avviż Legali biex l-iskejjel privati u dawk tal-Knisja jkollhom rappreżentant kull wieħed u mhux membru wieħed li jirrappreżentahom it-tnejn fuq il-Bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni.

Il-Gvern qal li filwaqt li mhux qed jaqbel mal-proposta biex l-Oppożizzjoni tipparteċipa f”dan l-Istitut, qal li qed jaqbel mal-emenda li ressqet l-Oppożizzjoni biex l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti jew privati jkollhom rappreżentant kull wieħed fuq il-Bord għall-Istitut tal-Edukazzjoni.

Meta llejla bdiet id-diskussjoni dwar iż-żewġ emendi li ressqet l-Oppożizzjoni biex jiġi emendat Avviż Legali li pubblika l-Gvern xhur ilu, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino nsista li l-Oppożizzjoni temmen li għandu jkun hemm żewġ rappreżentanti li jkunu l-vuċi tal-gruppi ta’ skejjel li mhumiex tal-istat.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, iddikjara li l-Gvern qed jaqabel ma’ din l-emenda tal-Oppożizzjoni u fisser li l-Avviż Legali li kien ippubblikat u li fih il-Gvern ried rappreżentant wieħed biss għaż-żewġ gruppi ta’ skejjel, se jkun emendat.

Il-Ministru Bartolo qal li l-Kabinett qabel dwar dan, u dan sar ukoll wara x-xewqa li ntweriet ukoll miż-żewġ gruppi ta’ skejjel.

Mitlub jispjega mill-kelliem tal-Oppożizzjon George Pullicino, biex jgħid jekk l-Avviż Legal tbiddilx sakemm bdiet diskussa l-emenda tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, il-Ministru Bartolo rrimarka li le.

Il-Ministru Bartolo ammetta li l-Avviż Legali għadu mhux emendat u għadu dak kif kien ippubblika l-Gvern, iżda fisser li kollox lest biex isir il-proċess u jkun emendat dan l-Avviż Legali.

Realtajiet differenti għall-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti
Dwar dawn l-emendi, fil-bidu tad-dibattitu d-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx li jkun hemm rappreżentant wieħed bejn iż-żewġ grupp ta’ skejjel, iżda rappreżentat nominat mill-iskejjel tal-Knisja u rappreżentant ieħor nominat għall-iskejjel indipendendeti li huma magħrufa bħala l-iskejjel privati.

George Pullicino fisser ukoll li dejjem hekk sar, li dawn iż-żewġ gruppi ta’ skejjel ikunu rappreżentati separatament, u mhux ikun hemm rappreżentant wieħed għaż-żewġ gruppi. Wissa wkoll li jekk ma jkunx hemm żewġ rappreżentanti, ikun qed jinħoloq preċedent ikreh li jaf il-Gvern jirrepetih għal istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Irrimarka wkoll li r-realtajiet taż-żewġ gruppi ta’ dawn l-iskejjel – dawk privati u tal-Knisja – huma differenti.

Id-Deputat Nazzjonalista tenna wkoll li jekk verament dan il-Gvern jemmen fil-kontinwazzjoni fl-edukazzjoni, l-Oppożizzjoni, permezz tal-Kap tal-Oppożizzjoni, għandu jkollha dritt li tinnomina wkoll persuna hi biex ikun hemm sħubija u parteċipazzjoni tas-soċjetà kollha, fosthom ukoll rappreżentant nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni li jsegwi dak li jkun għaddej u jagħti wkoll il-kontribut fejn ikun meħtieġ.

George Pullicino qal li l-Oppożizzjoni qed turi bil-fatti li trid tipparteċipa bis-sħiħ fit-tisħiħ tal-edukazzjoni f’pajjiżna biex anke l-Oppożizzjoni tagħti kontribut b’mod effettiv għas-soluzzjonijiet u għall-isfidi l-ġodda fl-edukazzjoni.

Il-Ministru Bartolo, filwaqt li ddikjara li se jbiddel l-Avviż Legali biex il-gruppi tal-iskejjel privati u dawk tal-Knisja jkunu rappreżetati individwalment fuq dan il-Bord tal-Istitut, iddikjara mill-ewwel li mhux qed jaqbel li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina membru fuq il-Bord.

Eżempju ieħor ta’ Gvern li ma jikkonsultax u li qed jimxi bil-politika tal-biċċiet
Fl-għeluq tad-dibattitu dwar l-emendi tal-Oppożizzjoni, George Pullicino kkritika lill-Gvern li l-mod kif daħħal dan l-Avviż Legali jkompli jikxef is-sintomu ta’ dan il-Gvern li jiddeċiedi u jimplimenta mingħajr konsultazzjoni.

Filwaqt li elenka numru ta’ żbalji li għamel il-Gvern fil-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali dwar it-twaqqif tal-Istitut, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sejjaħ ukoll bħla kontradizzjoni kliem il-Ministru Bartolo li ftaħar bir-relazzjoni tajba li għandu mal-iskejjel privati u indipendenti, iżda meta fassal u ddeċieda dwar l-Avviż Legali nnomina rappreżentant wieħed għaż-żewġ gruppi differenti ta’ skejjel.

Politika tal-biċċiet minflok viżjoni
Fisser il-politika ta’ dan il-Gvern għall-edukazzjoni bħala politika tal-biċċiet minflok ma jippreżenta viżjoni sħiħa. Sejjaħ dan bħala żball kbir.

“Li ma jkollokx pjan u viżjoni definita hu dejjem żball, iżda hu żball akbar meta dan isir fil-qasam tal-edukazzjoni għaliex tkun inħolqot problema għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada.

Appella lill-Gvern mhux biss jaqbel fuq l-emenda li jkun hemm rappreżentanza separata tal-iskejjel privati u tal-Knisja, iżda jaqbel ukoll fuq l-emenda li l-Oppożizzjoni jkollha rappreżetntant fuq il-Bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni għal qafas ta’ pjan għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li għandu d-dmir li jagħmel mhux biss skrutinju meta jkun fl-Oppożizzjoni, iżda wkoll li jikkontribwixxi għall-viżjoni tal-edukazzjoni.

Appella lill-Gvern jagħti l-għodda lill-Oppożizzjoni biex tagħti wkoll il-kontribut tagħha f’sistema strutturata għal-lum u għal għada, hu min hu l-Ministru u jkun min ikun fil-Gvern.

Il-PN fil-Gvern jimplimenta dak li qed jipproponi llum fl-Oppożizzjoni
George Pullicino ddikjara li l-Partit Nazzjonalista meta jkun fil-Gvern, se jassigura li jimplimenta dak li qed jipproponi llum mill-Oppożizzjoni, u jagħti d-dritt lill-Oppożizzjoni tkun pożittiva, parteċipi u effettiva għall-kontinwità tal-iżvilupp tal-viżjoni u tal-istrateġja fl-edukazzjoni.