Il-Prim Ministru Rumen, Victor Ponta, kien akkużat formalment dwar diversi każi ta’ korruzzjoni.
Il-prosekuturi li qed jindagaw dwar il-korruzzjoni qalu li Ponta qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus. Dawn l-allegati reati jmorru lura għal meta hu kien jipprattika ta’ avukat qabel laħaq Prim Ministru fl-2012.
Il-Prim Ministru Rumen, intant, qed jiċħad li kien involut f’xi aġir illegali.
Victor Ponta nhar il-Ħadd irriżenja mit-tmexxija tal-Partit Soċjal-Demokratiku fil-Gvern, u kkummenta li jeħtieġ iż-żmien biex jipprepara difiża. Madankollu, hu se jkompli xorta jaqdi d-doveri ta’ Prim Ministru.
Meta xi ġimgħat ilu bdiet l-investigazzjoni ta’ Ponta, il-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, mill-ewwel beda jħeġġu biex jirriżenja, iżda l-Prim Ministru Rumen irrifjuta għal dan. Fl-istess ħin, fallew it-tentattivi tal-Oppożizzjoni biex l-immunità parlamentari ta’ Ponta tispiċċa sospiża minħabba li s-Soċjal-Demokratiċi u l-alleati politiċi tagħhom qed igawdu maġġoranza fil-Parlament.
Il-Prim Ministru Rumen akkużat b’korruzzjoni
