Lokali

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina jissaħħu bl-onesta’ u t-trasparenza

Illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil beda bil-laqgħat tiegħu fiċ-Ċina. F’laqgħa li kellu mal-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż, Wang Chai, iż-żewġ naħat tkellmu dwar il-progress li kellha Malta fl-aħħar 30 sena, b’mod speċjali is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, waqt li f’dan il-perjodu ir-relazzjonijiet ta’ Malta maċ-Ċina komplew jissaħħu.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, iżda biex ir-relazzjoni tissaħħaħ hemm bżonn l-onesta’ u t-trasparenza.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazjzonalista Simon Busuttil u l-Viċi Ministru Ċiniż tkellmu dwar il-kriżi tal-Greċja, waqt li l-Viċi Ministru sostna li jittama li l-Greċja tibqa’ parti miż-żona ewro.

Matil iż-żjara fiċ-Ċina, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed ikun akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem għall-affarijiet barranin Tonio Fenech u mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio.