Stħarriġ partikolari fir-Renju Unit wera li tlieta minn kull ħames persuni qed iżommu sigriet li ma jridux li jkun żvelat u li jinkwetaw li, xi darba, ‘jista’ ma jibqax aktar sigriet’.
Ir-riċerkaturi sabu li persuna – bħala medja – tista’ tkun ilha qed iġġorr almenu sigriet wieħed għal 15 il-sena jew aktar. Dan meta miljuni ta’ nies għandhom is-sigrieti ‘li jixtiequ li ma joħorġu qatt’ u li jvarjaw minn relazzjonijiet sigrieti sat-twelid tat-tfal u anki każi taż-żwieġ li baqgħu moħbija.
Hemm anki s-sigrieti ‘anqas ikkumplikati’ bħal meta persuna tkun serqet f’età żgħażugħa u ġieli ‘għas-sens tal-avventura’. Każi oħrajn fejn persuna tista’ ma tiżvelax sigriet jistgħu jinvolvu xi sitwazzjoni fejn l-istess persuna tkun saqet karozza taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Jistgħu anki huma komuni l-każi fejn in-nies jaħbu dwar ‘xi attività fuq l-Internet li ma jridu lil ħadd ikun jaf biha’. Fl-eżerċizzju jissemmew ukoll id-dettalji ta’ ‘phobia’ fejn persuna tkun tibża’ jew tiddejjaq minn xi ħaġa b’mod partikolari.
Ħafna min-nies li wieġbu għall-istħarriġ qalu li l-aktar persuni li jiddejjqu ‘li jsiru jafu bis-sigriet speċifiku’ huma s-sieħba jew is-sieħeb tagħhom. Madankollu, kwart tal-persuni li ħadu sehem jemmnu li ‘l-persuna importanti f’ħajjithom għandha sservi bħala wens u appoġġ li kieku tiskopri dwar ċerti affarijiet’.
Huma anki komuni l-każi fejn ‘xi ħadd jaħbi sigriet lill-ommu’, u fejn, fost oħrajn issemmew ‘riżultati ħżiena fl-eżamijiet tal-iskola’ jew ‘tattoos tal-ġisem moħbija’ .
L-istħarriġ hu konness mal-film ġdid ‘The Woman in Black: Angel of Death’ li ddebutta fis-swali taċ-ċinema fir-Renju Unit. Dan il-film jibbaża fuq il-karattri li jagħmlu l-almu biex is-sigrieti rispettivi tagħhom jinżammu mistura.
//= $special ?>