Kultura Lokali Mużika

Jazz fil-Madwar….biex il-jazz ma jibqax biss fl-erbat ijiem tal-Malta Jazz Festival

Fl-Attivitajiet kulturali ta’ pajjiżna, tul is-snin il-Malta Jazz Festival kiseb suċċess mhux ħażin fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Iżda biex din l-istil ta’ mużika ssir aktar popolari u fuq kollox apprezzata kompla jissaħħaħ il-kunċett tal-Jazz on the Fringe, bil-Malti, Jazz fil-Madwar. Jiġifieri attivitajiet differenti biex il-Jazz ma jibqax biss f’dawk l-erbat ijiem tal-Festival.

Id-dettalji dwar Jazz fil-madwar, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Id-direttur Artistiku tal-Festival Sandro Zerafa spjega kif bħala organizzaturi tal-Malta Jazz Festival iħossu li l-mużika Jazz m’għandix tattira biss musiċisti, artisti barranin, imma anke Maltin u għalhekk l-iskop tal-Jazz on the Fringe.

Il-festival din is-sena se jkun mifrux fuq erbat ijiem, mis-sittax sad-19 ta’ Lulju u matul dawk l-erbat ijiem se jsiru master classes, kompetizzjoni li waslet fit-tielet edizzjoni tagħha u li se ssir fl-aħħar ġurnata, l-commonwealth Jazz Day, se jkun hemm fringe orchestra li flimkien ma’ musiċisti mill-Italja se jtellgħu repertorju f’pajjiżna.

Dawn l-attivitajiet kollha jingħaqdu ma’ dawk li diġa’ saru u li bdew fit-3 ta’ dan ix-xahar. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet , Anabelle Stivala, Festivals Director, semmiet kif din is-sena se jkun hemm kunċett ġdid fil-festival hekk kif il-mużika Jazz se tkun imħallta ma’ stil rap biex bl-iskop li aktar żgħażagħ ikunu attirati lejn dan l-istil ta’ mużika.

Din is-sena l-Jazz Festival se jagħlaq 25 sena minn mindu beda jkun organizzat u bħal kull sena se jsir f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta.