Il-gruppi kriminali madwar l-Ewropa qed jinvestu fil-biljetti tal-ajru low cost biex il-membri tagħhom jaqbdu titjiriet lejn ir-Renju Unit għall-vaganzi – imlaqqmin ‘crime holidays’ – li fihom huma jistgħu jwettqu l-akbar ammont ta’ reati f’qasir żmien.
Hu magħruf li dawn il-kriminali jqattgħu xi ħmistax fir-Renju Unit, u Brian Donald, iċ-Chief of Staff tal-Europol, qal li dawn, fil-parti l-kbira tagħhom, huma ħallelin li jwettqu volum ta’ reati li jinvolvu dħul sfurzat fid-djar u serq minn karozzi u minn individwi.
Il-kriminali, imbagħad, jaqbdu l-ajruplani lura lejn pajjiżhom ta’ oriġini biex jevitaw l-arrest.
Il-Europol hi l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tikkumbatti l-kriminalità u l-kelliema tagħha qalu li dik it-tattika saret ‘il-favorita’ ma’ ġenerazzjoni ġdida ta’ entitajiet ta’ kriminalità organizzata li huma ‘mobbli u attivi’ madwar l-Ewropa.
Ingħad li l-kapijiet kriminali jagħtu l-istruzzjonijiet lill-ħallelin tagħhom biex, ladarba huma jaslu fir-Renju Unit, iwettqu l-akbar ammont ta’ atti kriminali fl-iqsar żmien possibbli, qabel jirritornaw u jkunu trasferiti lejn pajjiż ieħor. Ir-reati, fil-parti l-kbira tagħhom, jinvolvu dħul illegali fid-djar tan-nies u ħafna każi ta’ ‘pickpocketing’.
L-Europol twissi dwar “btajjel tal-kriminalita”
