Lokali

Sodisfatti li se jingħata t-trattament fil-ħin

Familjari ta’ tifel ta’ tnax-il sena, li kienu nkwetati dwar jekk it-tifel hux se jingħata t-trattament tal-chemo fil-ħin, jinsabu sodisfatti li t-trattament li t-tifel għandu bżonn wasal Malta llum u għada se jkun qed jingħata dan it-trattament.

Ftit tal-jiem ilu dan is-sit ippubblika kummenti ta’ mara li kienet imħassba għall-fatt li t-tifel ilu sitt ġimgħat mingħajr il-possibilta’ li jingħata dan it-trattament minħabba raġunijiet mediċi. Il-persuna li tkellmet ma’ dan is-sit esprimiet l-inkwiet li meta t-tifel ikun f’kundizzjoni li jista’ jingħata t-trattament, dan ma jsibux.

Madanakollu l-Ġimgħa t-tifel ġie ċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni li jista’ jingħata t-trattament, liema trattament tal-chemo wasal f’pajjiżna llum u se jingħata lit-tifel għada.

Il-persuna li kienet tkellmet ma’ MaltaRightNow.com qalet li tirringrazzja lill-professjonisti kollha tal-isptar Mater Dei, b’mod partikolari lill-Professur Calvagna. Saħqet li tapprezza l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn it-tfal li jkunu għadejjin minn żmien diffiċli.