Sport

Sterling ma’ Man City għal somma rekord

TRASFERIMENTI: Il-manager ta’ Liverpool Brendan Rodgers ikkonferma li Raheem Sterling se jitlaq il-klabb wara li ntlaħaq ftehim ma’ Manchester City waqt li tenna li ma kellu l-ebda problema personali mal-plejer.

City u Liverpool laħqu ftehim għal £49 miljun għall-internazzjonali Ingliż ta’ 20 sena suġġett li l-plejer jgħaddi minn eżami mediku u jilħaq ftehim personali. Sterling kellu n-negozjati dwar il-kuntratt tiegħu f’Anfield mwaqqfa fi tmiem l-istaġun li għadda.

Issa jidher li s-saga ta’ dan it-trasferiment waslet fi tmiemha b’Rodgers jikkonferma waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn fit-Tajlandja, fejn Liverpool qed jagħmlu l-pre-season tour, li Sterling se jħalli l-klabb u li hu qatt ma kellu propblemi personali miegħu.

“Is-sitwazzjoni hi sempliċi ħafna. Il-klabb laħaq ftehim ma’ klabb ieħor dwar Raheem,” qal Rodgers. L-attakkant internazzjonali b’hekk se jkun qed isir l-aktar plejer Ingliż li qatt sewa flus.

City kien ilhom jissemmew għal Sterling u l-klabb kien għamel żewġ offerti x-xahar l-ieħor li kienu t-tnejn rifjutati.
Imma l-futur tal-plejer kien fid-dubju meta ma kienx inkluż fl-iskwadra għat-tour u l-ġimgħa l-oħra falla bosta sessjonijiet ta’ taħriġ minħabba mard.

Il-kuntratt li kellu f’Merseyside kien jiskadi fl-2017 u Sterling kien rappurtat li rrifjuta kuntratt ta’ £100,000 fil-ġimgħa. Rapporti fil-media qed jgħidu li Sterling se jkun qed jaqla’ d-doppju ta’ din is-somma fl-Etihad stadium.